Fil-ġimgħat li ġejjin il-Parlament Ewropew se jibgħat delegazzjoni f’Malta biex tinvestiga s-saltna tad-dritt, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus.
Dan tħabbar wara li din il-ġimgħa it-tfal u r-raġel tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia marru l-Parlament Ewropew fejn hemmhekk il-ġurnalista ngħatat tislima mill-membri tal-Parlament Ewropew kif ukoll sar dibattitu dwar il-Liberta’ tal-espressjoni f’Malta u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani kif ukoll diversi membri tal-Parlament kellhom l-opportunita’ jistħarġu aħjar is-sitwazzjoni f’Malta u għaldaqstant ġie deċiż li l-Parlament Ewropew jibgħat delegazzjoni sabiex tinvestiga aktar fil-fond is-sitwazzjoni f’Malta.
Id-delegazzjoni li ġejja Malta b’mod partikolari se tinvestiga s-saltna tad-dritt f’Malta, x’passi jittieħdu kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus.
Guy Verhofstadt, Membru Parlamentari Ewropew u eks Prim Ministru Belġjan, fuq twitter ħabbar dan u sostna li l-Parlament Ewropew se jżomm iċ-ċittadini aġġornati bl-iżviluppi.
Sadittant fi żvilupp ieħor mill-Parlament Ewropew, il-membru tal-PANA committee u membru tal-Parlament Ewropew l-Iżvediż Sven Giegold qal li l-Parlament Ewropew se jkomppli jiddibatti s-saltna tad-dritt f’Malta u l-ħasil tal-flus f’Malta fl-14 ta’ Novembru li ġej.
Sostna li l-Parlament Ewropew irid jispiċċa l-ġlieda li bdiet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.



