Lokali

Inawgurata r-raba’ edizzjoni tal-Industry Expo fil-Fakulta’ tal-ICT fl-Universita’ ta’ Malta

Madwar 28 intrapriża li jaħdmu fil-qasam tal-IT illum ħadu sehem fir-raba’ edizzjoni tal-Industry Expo, organizzata mill-Għaqda tal-Istudenti tal-ICT (ICTSA) fl-Universita’ ta’ Malta. Matul din l-attivita’, li ssir fil-bini tal-Fakulta’ tal-ICT f’Tal-Qroqq, l-istudenti ikollhom l-opportunita’ jiltaqgħu ma’ rappreżentanti ta’ diversi kumpaniji f’dan is-settur li jipprovaw jattiraw ħaddiema ġodda eżatt kif itemmu l-istudji tagħhom u jiggradwaw.

Fost il-persuni li żaru l-Expo kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li ltaqa’ kemm mal-istudenti, kif ukoll mal-operaturi.

Bħalissa, hemm madwar 400 student li jsegwu korsijiet offruti mill-Fakulta’ tal-ICT. Ma’ dawn jiżdiedu wkoll numru kbir ta’ studenti li jegwu suġġetti marbuta mal-ICT u li ġejjin minn sitt fakultajiet differenti tal-Universita’ ta’ Malta.

Jakkumpanja lill-Kap tal-PN kien hemm il-Kelliema għas-settur tas-Servizzi Kristy Debono u l-kelliema għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Therese Comodini Cachia.