Il-poplu tal-Kenja vvota, fost is-sigurtà stretta, waqt ripetizzjoni tal-elezzjoni għall-Presidenza tal-pajjiż, u meta baqa’ effettiv bojkott mill-elementi ewlenin tal-Oppożizzjoni.
L-elezzjoni kienet imtappna mill-inkwiet u l-inċidenti, bil-pulizija jiġġieldu ma’ sostenituri tal-Oppożizzjoni, li wħud kienu qed jimblukkaw l-aċċess għall-postijiet tal-votazzjoni.
Il-President Uhuru Kenyatta kien iddikjarat rebbieħ tal-elezzjoni Presidenzjali ta’ Awwissu, iżda l-proċess kellu jsir mill-ġdid minħabba ‘irregolaritajiet’. Kenyatta, intant, qed ifittex t-tieni mandat ta’ poter, waqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni, Raila Odinga, irtira mit-tellieqa.
Sadattant, għexieren ta’ eluf ta’ pulizija u staff tas-sigurtà kienu stazzjonati madwar il-postijiet tal-votazzjoni biex jipproteġu lill-votanti. Dan waqt li l-osservaturi internazzjonali naqqsu l-missjonijiet tagħhom fil-pajjiż għal raġunijiet ta’ sigurtà.
Kien irrappurtat, fost oħrajn, li l-pulizija sparat tiri fl-ajru biex tferrex lis-sostenituri tal-Oppożizzjoni fil-belt ta’ Kisumu u fiz-zona ta’ Kibera ta’ Nairobi. Gruppi ta’ dimostranti, intant, qabbdu l-barrikati fit-toroq, bl-elementi tas-sigurtà jisparaw ukoll il-gass tad-dmugħ. L-aħħar rapporti rreferew ukoll għal ‘xi mejtin u midruba waqt diversi inċidenti’.
//= $special ?>


