“Il-Parlament Ewropew se jkun qed jagħti appoġġ u s-sostenn kollu tiegħu lill-familja Caruana Galizia u lil-poplu Malti u se jkun qed isegwi l-każ dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia mil-qrib. Jeħtieġ li ssir ġustizzja”. Sostna dan Antonio Tajani, il-President tal-Parlament Ewropew waqt laqgħa li kellu mal-membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech. Waqt il-laqgħa kienu diskussi l-aħħar żviluppi f’Malta wara l-qtil brutali tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia.
Zammit Dimech qal lil President Tajani, li issa aktar minn qatt qabel, il-poplu Malta jeħtieġ l-għajnuna mingħajr riżervi tal-Istituzzjonijiet Ewropej. Qal li l-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galzia ma kienx biss assalt fuq ġurnalista iżda wkoll assalt fuq l-libertà tal-espressjoni tal-poplu Malti, minħabba li issa l-Maltin qed jiġu mċaħħda minn sors kbir ta’ informazzjoni fuq materji ta’ importanza.
Sadanittant, l-MEP Francis Zammit Dimech inħatar bħala rapporteur tal-grupp EPP rigward il-pluraliżmu u l-libertà fil-media, fi ħdan il-kumitat CULT li hu responsabbli mill-Midja u li Francis Zammit Dimech huwa membru tiegħu.
-MEP Zammit Dimech qal li se jkun qed jieħu dan l-irwol b’serjetà kbira u jindirizza wkoll is-sitwazzjoni f’Malta biex jitfa’ dawl fuq l-oppressjoni li teżisti fuq il-ġurnaliżmu f’Malta mhux biss fid-dawl tal-qtil ta’ Daphne Carauna Galizia iżda wkoll bl-allegazzjoni riċenti ta’ bullying fuq il-midja lokali.
Zammit Dimech qal lil President Talajni li s-saltna tad-dritt f’pajjiżna tinsab mhedda u se tikkollassa, xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista ilhu jisħaq fuqha għal snin. Zammit Dimech saħaq li l-poplu Malti ma għandux fiduċja fil-kummissarju tal-Pulizija u l-Korp tal-Pulizija, l-istess kummissarju li qal li ma kellux ċans jiltaqa’ mal-kummissjoni AntiMafia.
Zammit Dimech qal li l-Maltin ma għandhomx jaħtu għan-nuqqas ta’ fiduċja fil-kummissarju tal-Pulizija, anke’ meta wieħed jikkonsidra li l-kummissarju tal-Pulizija inbidel ħames darbiet f’4 snin.
//= $special ?>