Futbol Sport

Leicester jaħtru lil Puel bħala kowċ

Claude Puel

Leicester City ħabbru li ħatru lil Claude Puel bħala l-kowċ il-ġdid tagħhom. Dan tal-aħħar iffirma kuntratt ta’ tliet snin u se jkun qed jieħu post Craig Shakespeare.

Shakespeare kien ilu jmexxi lill-Foxes sa minn Frar li għadda meta dakinhar ħa post Claudio Ranieri li tkeċċa ftit xhur wara li kien għen lit-tim jirbaħ il-Premiership Ingliż.

Puel hu ekskowċ ta’ Southampton u fl-ewwel staġun tiegħu ma’ dan it-tim dawn temmew fit-tmien post fil-Premiership Ingliż. Barra minn hekk huma kienu waslu sal-finali tal-EFL Cup fejn dakinhar kienu offrew sfida denja lil Manchester United li rebħu l-finali.

Puel kien tkeċċa mill-kariga f’Ġunju li għadda u issa dan se jkun qed jaħdem id f’id Michael Appleton li se jibqa’ assistant manager ta’ Leicester.

Puel issa se jkollu biċċa xogħol diffiċli biex jgħin lil Leicester jirkupraw mill-bidu negattiv li kellhom matul dan l-istaġun.

Bħalissa jinsabu fl-14-il post tal-kampjonat b’żewġ rebħiet minn disa’ konfronti. Ta’ min jiftakar li Puel, minbarra li mexxa lil Southampton, matul il-karriera tiegħu mexxa timijiet bħal ma huma Monaco, Lille u Lyon.