Sport Sport Ieħor

MAFA – Duric jiskorja erbgħa f’rebħa kbira Beltija

Radovan Duric kien il-protagonist prinċipali hekk kif Valletta St Pauls ixxalaw b’rebħa kbira ta’ 10-0 fuq Fleur de Lys CFK f’logħba li ddominaw mill-bidu sal-aħħar.

Il-Beltin din is-sena għandhom tim qawwi u ta’ esperjenza u bla dubju li se jkunu wieħed mill-kontestanti għat-titlu finali. Huma jinsabu kompluti f’kull dipartiment u għandhom attakkanti ferm perikolużi. Dan kollu setgħu jinnutawh sew it-tim promoss ta’ Fleur de Lys li ma setgħux isibu tarf tal-azzjonijiet offensivi tat-tim immexxi minn Dassier Borg.

Għal St Pauls spikka s-Serb Radovan Duric li skorja erba’ gowls filwaqt li l-veteran William Barbosa immarka d-debutt tiegħu b’gowl. Il-logħba bdiet mal-ewwel għat-telgħa għat-tim minn Fleur de Lys meta wara biss żewġ minuti huma sabu ruħhom gowl minn taħt, b’Radovan Duric jaħsad lid-difiża avversarja b’gowl verament tajjeb.

Fleur de Lys inħasdu u fi spazju ta’ seba’ minuti bejn it-13-il minuta u l-20 minuta sofrew erba’ gowls meta Glenn Fenech, Radovan Duric u doppjetta ta’ Uros Markovic għamlu l-iskor 5-0.

Qabel tmiem l-ewwel taqsima, il-Beltin żiedu tnejn oħra permezz ta’ Radovan Duric li b’hekk għaqqad poker personali bl-ewwel taqsima tagħlaq 7-0.

Fit-tieni taqsima, Valletta St Pauls naqqsu r-ritmu u bil-logħba mirbuħa u mitlufa xorta sabu l-ħin jiskorjaw tlieta oħra permezz ta’ William Barbosa, Glenn Bonello u Glenn Fenech.

Aktar qabel, iċ-champions preżenti Marsa St Michael baqgħu wkoll b’punti massimi wara żewġ logħbiet meta kisbu rebħa komda ta’ 5-1 kontra Valletta Stars. Kienet wirja tajba mit-tim immexxi minn Malcolm Tirchett u minkejja li sabu ruħhom gowl minn taħt, għarfu jagħmlu reazzjoni sabiex kisbu t-tieni suċċess konsekuttiv.

L-istilel Beltin bdew tajjeb u marru fil-vantaġġ fil-ħames minuta permezz ta’ Andrew Formosa. Minkejja dan l-iżvantaġġ, Marsa baqgħu kalmi u fil-21 minuta ngħataw penalty mir-referee Ray Tabone li ġie skorjat minn Philip Taylor. Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet b’parità ta’ 1-1, Marsa St Michael ħarġu tajjeb fit-tieni parti tal-logħba u fis-46 minuta skorjaw it-tieni gowl grazzi għal Kirsten Brincat.

Iċ-champions bdew jieħdu l-kunfidenza u dlonk skorjaw it-tielet wieħed permezz tal-attakkant Brażiljan Ricardo Severino. Valletta Stars bħal donnhom inħasdu u ftit setgħu jagħmlu biex iwaqqfu l-furja Marsija tant li dabbru żewġ gowls oħra minn Mohammed Elamari fit-58 minuta u Nikolay Filipov mas-siegħa logħob sabiex issiġillaw r-rebħa finali ta’ 5-1.

Senglea Gunners kisbu l-ewwel rebħa tagħhom fil-kampjonat meta għelbu lil Sta Lucia Falcons bl-iskor ta’ 4-1. Kienet logħba pjaċevoli biż-żewg timijiet li kienu tilfu l-ewwel konfront tagħhom fil-kampjonat. Madankollu kienu t-tim mill-Kottonera li ħarġu bit-tliet punti minn din il-partita.

Senglea daħlu jistrieħu b’vantaġġ ta’ gowl skorjat minn Glenn Brincat fl-20 minuta.

Huma ħarġu ferm aggressivi fit-tieni taqsima u żiedu tlieta oħra permezz ta’ Jeremy Gatt, Luke Baldacchino u Glenn Brincat. Santa Lucia naqqsu l-marġni tal-iskor żewġ minuti minn tmiem il-partita grazzi għall-gowl ta’ Martin Busuttil.