Lokali

“Occupy Justice”: Mil-lejla fis-6.30pm quddiem Kastilja

Fis-6.30pm illejla se ssir attività bit-tema “Occupy Justice”, li matulha grupp ta’ nisa minn mixjiet differenti tal-ħajja se jinġabru quddiem Kastilja biex iwasslu messaġġ ta’ solidarjetà u tama wara l-qtil brutali tal-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia. L-attività tibqa’ għaddejja sal-Ħadd li ġej, fil-11pm.

In-nisa miġbura jridu jwasslu messaġġ li din mhijiex il-Malta li jridu jħallu warajhom, bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hu x-xaqq ta’ tama għall-bidla ‘l quddiem. Qed jappellaw għall-bidla meħtieġa biex l-istituzzjonijiet u d-demokrazija jerġgħu jibdew jaħdmu kif suppost.

Fl-attività “Occupy Justice”, se jerġa’ jsir l-appell għar-Riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali, kif ukoll li post dawn jittieħed minn persuni li jkollhom l-appoġġ ta’ żewġ terzi tal-Parlament.

Il-grupp qed jappella wkoll għall-bidla f’kif qed isiru l-affarijiet, fost oħrajn fis-sigurtà, fil-protezzjoni, fl-onestà u fit-trasparenza. Fuq kollox, iridu li terġa’ tinbed il-fiduċja f’pajjiżna għall-ġid ta’ ulied u ulied uliedna.