Illum in-netwerk tas-soċjeta’ ċivili ħabbret li nhar il-Ħadd li ġej ser torganizza it-tieni dimostrazzjoni nazzjonali bit-tema #ġustizzja wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-protesta nhar il-Ħadd se ssir f’Tas-Sliema fl-4p.m. u tibda ħdejn Għar id-Dud u ċ-Chalet f’tas-Sliema u timxi lejn Triq Amery f’Tas-Sliema.
Is-Soċjeta’ Ċivili il-Ħaddi li għadda diġa organizzat dimostrazzjoni nazzjonali fil-Belt li għaliha attendew eluf ta’ Maltin jitolbu li ssir ġustizzja wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fl-ewwel dimostrazzjoni ntalbet ukoll ir-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.
In-Netwerk tas-Socjeta’ Ċivili fi stqarrija li fiha ħabbret l-attivita’ tal-Ħadd li ġej, qalet li se tkompli tinsisti fuq it-talbiet mhux partiġġjani tagħha għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, u li s-sostituti tagħhom jinħatru b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Parlament.
Is-Soċjeta’ Ċivili sostniet li d-dimostrazzjoni mhux ser tkun waħda partiġġjana, u l-kelliema kollha ser jitħabbru qabel id-dimostrazzjoni.
Is-Soċjeta’ Ċivili qalet ukoll li politiċi li se jattendu d-dimostrazzjoni miż-żewġ naħat ma jistgħux joqogħdu fuq quddiem tal-protesta waqt li banners, placards jew materjal ieħor ta’ partiti politiċi jew kontrihom ser jiġu pprojbiti.
Aktar dettalji: CSN Ġustizzja Timer: http://www.csnmalta.com/



