Internazzjonali

SPANJA: Puigdemont ma jiddikjarax elezzjonijiet għal Katalonja

Il-Mexxej ta’ Katalonja, Carles Puigdemont żamm lura milli jiddikjara elezzjonijiet immedjati fir-reġjun tiegħu, bil-għan li tinħall is-sitwazzjoni politika staġnata mal-Gvern tal-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy.

Intant, u filwaqt li eskalat il-kriżi bejn Madrid u Katalonja, il-Parlament Katalan se jiltaqa’ fit-tard biex jiddiskuti ċ-ċirkostanzi tal-impenn tar-reġjun biex jikseb l-indipendenza mill-kumplament ta’ Spanja.

Il-Gvern ta’ Spanja qed jaħseb biex ineħħi l-poteri ta’ Puigdemont u jimponi l-amministrazzjoni tiegħu fuq Katalonja bħala parti minn sistema ta’ tmexxija diretta skont Artiklu 155 tal-Kostituzzjoni Spanjola.

Minn kmieni wara nofsinar, folol kbar kienu nġabru barra l-bini tal-Gvern reġjonali Katalan fost stennija kbira li Carles Puigdemont jiddikjara l-indipendenza għal Katalonja — b’dan jibqa’ ma jseħħx. Sfumat ukoll l-ispekulazzjoni li l-Mexxej Katalan seta’ isejjaħ elezzjonijiet reġjonali bil-għan li jevita t-tmexxija diretta minn Madrid.

Meta tkellem dwar is-sitwazzjoni, Puigdemont qal li kien lest biex isejjaħ l-elezzjonijiet għal Katalonja ‘dment li kellhom jingħatawlu l-garanziji’, iżda jidher li l-ebda garanziji ma ngħataw mill-Partit Popolari li qed imexxi lill-Gvern nazzjonali. Carles Puigdemont qal ukoll li kien imiss lill-Parlament Katalan li jipproċedi skont dak li tiddetermina l-maġġoranza fl-assemblea Katalana.

Aktar qabel, Carles Puigdemont kien bagħat ittra lis-Senat ta’ Spanja fejn wissa li l-Gvern ta’ Mariano Rajoy għandu joħloq ‘sitwazzjoni aktar serja u straordinarja’ jekk jaħtaf lura l-awtonomija politika lill-Katalani.