Lokali

It-tisħiħ tal-istituzzjonijiet hu meħtieġ biex inkomplu nattiraw in-negozju – Adrian Delia

Malta għandha bżonn issaħħaħ l-istituzzjonijiet biex jiġi assigurat li n-negozji – kemm lokali kif ukoll dawk minn barra minn Malta – jibqgħu jinvestu f’pajjiżna. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa mal-Board of Management tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija fl-uffiċini tal-istess Kamra fil-Belt Valletta.

Hu rrefera għall-istħarriġ ippubblikat minn EY ilbieraħ dwar kif l-investituri barranin iħarsu lejn Malta. Filwaqt li ċ-ċifri dwar l-ekonomija jidhru pożittivi, dawk dwar l-istabbilità politika, l-korruzzjoni u l-kunfidenza f’pajjiżna jinsabu neżlin ‘l isfel għat-tielet sena konsekuttiva. Adrian Delia sostna li r-responsabbiltà tal-Oppożizzjoni hi li tassigura li l-ġurisdizzjoni ta’ pajjiżna tibqa’ waħda li tibqa’ tilqa’ n-negozji.

Adrian Delia qal li wieħed ma jistax jinjora dak li ġara f’pajjiżna fil-jiem li għaddew, li, bla dubju ta’ xejn, qed jaffetwa s-sigurtà ta’ pajjiżna – xi ħaġa li taffettwa kull deċiżjoni li tittieħed dwar in-negozju.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-kriżi fl-istituzzjonijiet u sostna li dawn hemm bżonn jissaħħu biex in-negozji jkollhom il-komfort li jagħmlu n-negozju f’pajjiżna.

Dwar l-isfida tat-trasport, Adrian Delia qal li għan-negozji hu kruċjali li din l-isfida tiġi indirizzata. Hu sostna li l-pajjiż irid iħares lejn sistemi innovattivi bħal karozzi elettriċi u dawk mingħajr xufier, li jinstigaw sistema ta’ shared transport.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar is-settur edukattiv, u qal li filwaqt li hu importanti li nħarsu lejn l-isfidi li hemm fir-riżorsi umani, irridu nħarsu wkoll x’għandhom bżonn it-tfal tagħha fis-snin li ġejjin. Hawnhekk hu rrefera wkoll lejn is-setturi ġodda fl-industrija, kif ukoll impjiegi innovattivi.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Frank Farrugia irrefera wkoll għall-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u appella sabiex isir sforz nazzjonali sabiex issir ġustizzja u sabiex il-verita’ u l-integrita’ isaltnu fil-pajjiż.

Il-media jisthoqqilha kull appoġġ u rispett għaliex twettaq rwol kruċjali fil-pajjiż; li jharsu l-moralita’ u l-etika. Dawn huma żewġ valuri li l-Kamra tal-Kummerc tappoġġja bis-sħiħ.

Frank Farrugia kompla li l-Kamra tal-Kummerċ minn dejjem kienet attiva fid-diskussjoni ekonomika. Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Kamra tal-Kummerċ ħarġet dokument b’iktar minn 70 proposta dwar setturi importanti tal-ekonomija.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm il-kelliem għas-Self Employed, in-Negozji ż-Żgħar u l-Koperattivi Edwin Vassallo, l-Kelliem għat-Turiżmu u l-Airmalta Robert Arrigo u l-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carm Mifsud Bonnici.