Il-gowlkiper ta’ Juventus Gianluigi Buffon żvela li jekk kemm-il darba t-tim tiegħu jirbaħ iċ-Champions League hu ma jirtirax fl-2018 imma jagħmel dan sena wara.
Il-gowlkiper Taljan minn dejjem stqarr, matul dawn l-aħħar xhur li hu mistenni jirtira mill-futbol wara li l-Italja, jekk tikkwalifika, tkun ikkompetiet fit-Tazza tad-Dinja li se ssir sena oħra fir-Russja.
Madankollu issa qal li jekk Juventus jirbħu ċ-Champions League f’Mejju tas-sena li ġejja hu jibqa’ jilgħab għal staġun ieħor.
Dan biex b’hekk hu jkun jista’ jipprova jirbaħ it-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs li ssir f’Diċembru tal-2018.
Il-finali taċ-Champions League se tintlagħab fis-26 ta’ Mejju fil-NSC Olimpiyskiy Stadium fil-belt ta’ Kiev fl-Ukrajna. Sena ilu Juventus tilfu l-finali kontra Real Madrid.
“Dan l-aħħar staġun tiegħi u ninsab konvint mid-deċiżjoni li ħadt. Ninsab seren u mhux nibża’ minn dak li jista’ jiġi fuqi fil-futur. Li nagħmel sena jew sentejn oħra mhux se jżidli xejn ġdid ma’ dak li diġà għamilt u rbaħt fil-karriera.
“L-uniku sens li fadalli li nagħmel staġun ieħor biss ikun jekk nirbħu ċ-Champions League u dan minħabba l-fatt li nkunu rridu nikkompetu fit-Tazza Interkontinentali. Ċert li Szczesny jċedieli imqar dawk il-partiti,” qal Buffon.
Biex l-Italja taċċerta minn post fit-Tazza tad-Dinja trid telimina lill-Iżvezja mill-play-offs li se jsiru f’Novembru li ġej.
//= $special ?>