Il-Gvern Amerikan, fl-aħħar sigħat, ħareġ mal-2,800 dokument dwar il-qtil tal-President tal-Istati Uniti, John F. Kennedy, li, fit-22 ta’ Novembru tal-1963, kien qala’ tiri fatali meta hu kien għaddej bil-karozza minn Dallas, fl-Istat ta’ Texas.
Id-dokumenti kienu ilhom klassifikati għal dan iż-żmien kollu, u l-President Amerikan attwali, Donald Trump, qal li l-pubbliku ħaqqu li jkun ‘infurmat bis-sħiħ’ dwar l-avveniment li ilu s-snin suġġett għal teoriji bbażati fuq kumplotti. Hu minnu li numru ta’ dokumenti ma ħarġux għall-konsum tal-pubbliku fuq it-talba tal-aġenziji tal-Gvern.
Wieħed mid-dokumenti li ħarġu fil-pubbliku żvela li l-FBI Amerikana kienet wissiet lill-pulizija dwar theddida kontra l-ħajja ta’ Lee Harvey Oswald, il-qattiel ta’ Kennedy. L-eks Direttur tal-FBI, J Edgar Hoover, kiteb li ‘huma infurmaw mal-ewwel lill-Kap tal-Pulizija li kienu wieġbu li Oswald kien se jingħata l-protezzjoni xierqa’.
Intant, Oswald – eks-morin u Marxista – kien inqatel minn raġel, Jack Ruby, fid-Dipartiment tal-Pulizija f’Dallas, jumejn biss wara l-assassinar ta’ Kennedy.
L-evalwazzjoni tal-aħħar dokumenti li ħarġu jiżvelaw memo tas-CIA li jissuġġerixxi li Oswald kien tkellem ma’ uffiċjal tal-KGB (l-eks servizzi sigrieti Sovjetiċi) fl-ambaxxata Russa, fil-Belt tal-Messiku. Il-memo qal li l-uffiċjal tal-KGB inkwistjoni kien qed jaħdem għal dipartiment ‘responsabbli mis-sabutaġġ u l-assassinar’.
Hemm ukoll memo ieħor li jiżvela kif gazzetta reġjonali fir-Renju Unit – Cambridge News – kienet irċeviet kuntatt anonimu dwar ‘xi aħbar kbira fl-Istati Uniti’, sigħat qabel l-assassinar ta’ JFK. Kopja ta’ dan il-memo kienet inħarġet, f’Lulju, mill-Arkivji Nazzjonali tal-Istati Uniti, iżda ma kienx hemm ir-rapporti dwaru.
Ir-rapport tal-Kummissjoni Warren dwar il-qtil ta’ Kennedy, ippubblikat f’Settembru tal-1964, kien qal li Lee Harvey Oswald, dakinar, spara t-tiri fatali lejn il-President mill-bini tat-Texas School Book Depository. Il-Kummissjoni kienet qalet li ‘ma dehrux provi li Oswald jew Jack Ruby setgħu kienu parti minn xi kumplott domestiku jew lokali’.
Liġi li kien għadda l-Kungress fl-1992 kienet tirrikjedi biex ir-rekords kollha (madwar ħames miljun paġna) relatati għall-qtil ta’ Kennedy ikunu żvelati bis-sħiħ lill-pubbliku ladarba kellhom jgħaddu 25 sena – bid-deadline jaħbat proprju lbieraħ, il-Ħamis. ‘Il fuq minn 90 fil-mija tal-files kienu għaddew diġà, qabel, għall-konsum tal-pubbliku.
Fl-istess ħin, mhux mistenni jonqos l-impatt tal-allegazzjonijiet dwar ‘xi cover-up tal-Gvern’ minħabba rapporti li entitajiet bħall-FBI, l-aġenzija CIA u d-Dipartiment tal-Istat Amerikan wettqu lobbying ‘fl-aħħar minuta’ biex ma jkunux żvelati ċerti files dwar JFK. Dan minkejja li Trump ħareġ direttiva ‘biex jitneħħa l-velu fuq il-każ meta l-poplu Amerikan ħaqqu jkun infurmat bis-sħiħ dwar l-avveniment storiku’.
Uħud mid-dokumenti dwar il-każ ‘JFK’ li ma kenux rilaxxati qed ikunu suġġetti għal evalwazzjoni għas-sitt xhur li ġejjin, waqt li hu possibbli li dawn jinżammu sigrieti anki wara d-deadline stabbilit għas-26 ta’ April tal-2018.
//= $special ?>

