Id-diskors moqżież tal-konsulent tal-Gvern Tony Zarb jirrifletti l-mentalità li daħħal f’pajjiżna Joseph Muscat kemm ilu Prim Ministru: tażżardax tiftaħ ħalqek għax issib min jgħajrek, jinsulentak u jipprovokak. Il-libertà tal-espressjoni – li tista’ tmur tiprotesta kontra l-Gvern, kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u kontra l-Avukat Ġenerali – huwa dritt ta’ kulħadd, iżda l-Gvern qed jiprova jeqred din il-libertà billi min jiprotesta jispiċċa vittma ta’ tgħajjir u provokazzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li jemmen fid-dritt tal-libertà li kulħadd jista’ jesprimi ruħu kif irid, ma jistax ma jikkundannax il-kummenti moqżieża ta’ Tony Zarb u jinsisti li l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji li għandu jieħu kontra l-konsulent tal-Gvern tiegħu u kontra persuna li hu stess tah Ġieħ ir-Repubblika. Dak li qal il-konsulent tal-Gvern hu diskors ta’ mibgħeda – li jinstiga vjolenza kontra n-nisa li kienu qed isemmgħu leħinhom quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi wkoll solidarjetà mal-vittmi ta’ dan l-abbuż, u jfaħħar id-determinazzjoni ta’ min qed jipparteċipa fl-inizjattiva Occupy Justice. Il-Partit Nazzjonalista, kif diġà nsista qabel – jaqbel totalment ma’ dak li qed titlob is-soċjetà ċivili, b’mod partikolari issa wara l-qtil politiku tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
//= $special ?>