Il-Grupp Bank of Valletta ħabbar profitt qabel it-taxxa ta’ €143.9 miljun għal dawn it-tnax-il xahar. Dan ifisser żieda ta’ 21.5 fil-mija fuq il-profitt aġġustat qabel it-taxxa ta’ €118.4 miljuni li kien irrapurtat għall-istess perjodu s-sena l-oħra. Is-sena l-oħra l-Bank kien iddikjara profitt ta’ darba li kien jammonta għal €27.5 miljuni. Dan il-qligħ kien riżultat tal-akkwist tal-Grupp VISA, li tiegħu l-BOV kien membru ewlieni, minn VISA Inc.
Iċ-Chairman tal-Bank of Valletta Deo Scerri qal li wieħed għandu jinterpreta r-riżultat tal-Bank fl-isfond tal-Ekonomija lokali li sejra tajjeb ħafna, anke meta wieħed iqabbilha mal-istandards tal-Unjoni Ewropea. Fl-istess waqt wieħed irid ukoll iqis ix-xenarju internazzjonali fejn il-marġini tal-imgħax baqgħu f’livelli baxxi ħafna u dan ifisser sfida sinifikanti għall-bank.
Fil-Konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif kien imħabbar aktar kmieni, l-2017 kienet sena straordinarju għall-Bank of Valletta, minħabba li din is-sena finanzjarja hija magħmula minn 15-il xahar. Dan huwa frott ta’ deċiżjoni li s-sena finanzjarja tal-Bank tinbidel u tibda tagħlaq fil-31 ta’ Diċembru, minflok it-30 ta’ Settembru, kif kienet il-prassi sal-lum. Għall-finijiet ta’ trasparenza u biex wieħed ikun jista’ jqabbel, illum il-Bank qed jirrapporta riżultati interim għal perjodu ta’ 12-il xahar minn Ottubru 2016 sa’ Settembru 2017.
//= $special ?>