Lokali

“Il-Gvern mhux jibgħat messaġġ tajjeb dwar il-ġlieda kontra il-ħasil tal-flus u l-libertà tal-media tinsab mhedda f’pajjiżna” – Francis Zammit Dimech.

Plenary session week 43 2017 in Strasbourg - Monitoring the application of EU law 2015

“Il-Gvern Malti mhux qed jibgħat messaġġ tajjeb f’dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Dan għaliex ma rrispettax l-iskadenza biex issir it-traspożizzjoni meħtieġa rigward l-aħħar direttiva tal-Unjoni Ewropeja li timmira biex isaħħaħ ir-regoli eżistenti kontra l-ħasil ta’ flus. Dan huwa ta’ detriment għaċ-ċittadini Maltin.” Qal dan Francis Zammit Dimech waqt li kien qed jindirizza s-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu dwar l-applikazzjoni tal-liġi Ewropeja u s-saltna tad-dritt. Ir-rapport jindika numru ta’ nuqqasijiet fl-applikazzjoni ta’ miżuri biex jiġġieldu l-frodi u l-ħasil ta’ flus, tant li fl-aħħar snin kien hemm sejħa sabiex il-kummissjoni tirdoppja l-ħidma tagħha biex tassigura li r-regoli Ewropej relevanti jiġu applikati.

Zammit Dimech qal li l-attitudni tal-Gvern Malti hija inkwetanti aktar u aktar minħabba li bħalissa Malta qiegħda taħt il-lenti minħabba l-skandlu tal-Panama Papers u l-kriminalità organizzata, li t-tnejn huma marbuta mal-ħasil ta’ flus. Zammit Dimech fakkar kif l-FIAU, l-aġenzija Maltija kontra il-ħasil tal-flus qed tiġi manipulata mil-Gvern u kif il-Bank Pilatus, li jinsab fiċ-ċentru tal-skandlu tal-Panama Papers, skont rapporti fil-media, qed jhedded il-media lokali biex ineħħu mis-siti elettroniċi tagħhom stejjer marbutin ma ħasil ta’ flus. Qal li dan jagħmlu ħafna aktar kruċjali għall-Gvern Malti biex iħares l-interessi taċ-ċittadini Maltin.

Zammit Dimech saħaq li r-rapport jgħid li l-Unjoni Ewropea hi bbażata fuq s-saltna tad-dritt u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Huwa għalhekk, qal Francis Zammit Dimech, li l-istati membri għandhom jagħtu l-eżempju billi japplikaw il-liġijiet Ewropej hekk kif dan ukoll għandu impatt fuq s-saltna tad-dritt, xi ħaġa li issa qed tiġi mhedda wkoll f’Malta kif ħareġ fid-deher wara l-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Hu kkonkluda billi appella li l-uniformità u konformi mal-liġi Ewropea għandha ssir prijorità politika għal-istati membri u l-Kummissjoni Ewropea.