Il-Parlament ta’ Katalonja, illum, ivvota biex ir-reġjun jissepara mill-kumplament ta’ Spanja. Il-vot storiku – fejn 70 fost it-82 deputat Katalani vvutaw għall-indipendenza — mistenni jħalli riperkussjonijiet sostanzjali fi Spanja u seħħ sigħat wara li l-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy, kien sejjaħ biex is-Senaturi f’Madrid japprovaw tmexxija diretta minn Spanja fuq ir-reġjun tal-Katalonja.
Fil-fatt, is-Senat Spanjol, tard wara nofsinar, għadda mozzjoni biex, għall-ewwel darba, jattiva Artiklu 155 tal-Kostituzzjoni ta’ Spanja li jagħti s-saħħa lill-Gvern ta’ Rajoy biex jieħu l-miżuri neċessarji għall-kontroll tar-reġjun f’din is-sitwazzjoni eċċezzjonali.
B’hekk, il-kriżi politika fi Spanja tidher li eskalat f’daqqa wara r-referendum polemikuż tal-bidu tax-xahar fil-Katalonja, fejn il-maġġoranza assoluta tal-Katalani li vvutaw kien għażlu t-triq lejn l-indipendenza. Dan għaliex l-implimentazzjoni tal-miżuri minn Artiklu 155 tippermetti biex il-Gvern ta’ Madrid ikeċċi lill-Mexxejja Katalani attwali, minbarra li jassumi kontroll fuq il-pulizija, il-finanzi u l-istampa tar-reġjun inkwistjoni.
L-aħbar li kien għadda l-vot għall-indipendenza Katalana mill-Parlament intlaqa’ b’entużjażmu enormi fit-toroq ta’ Barċellona fejn kienu nġabru l-folol biex jistennew id-dikjarazzjoni storika. Il-vot partikulari, intant, isejjaħ għat-trasferiment tal-poteri legali minn Spanja għal Katalonja indipendenti.
Il-Prim Ministru Rajoy, qabel, kien għamilha ċara li ried iwarrab lill-Mexxej Katalan, Carles Puigdemont, flimkien mal-Viċi-President u l-Ministri kollha ta’ Katalonja. Waqt id-diskors fis-Senat Rajoy spjega l-ħtieġa li jirritornaw id-demokrazija u l-istabbilità fil-Katalonja’ u, fl-aħħar sigħat, ħeġġeġ għall-kalma fost il-poplu.
Issa, il-Kabinett Spanjol mistenni jiltaqa’ matul il-lejl biex jiddiskuti l-passi li jmiss f’din is-sitwazzjoni delikata.
//= $special ?>


