Il-Pulizija fi Franza qed jinvestigaw sit fuq l-internet li jiffaċilita l-laqgħat bejn studenti Franċiżi u nisa u rġiel sinjuri.
Is-sit, RichMeetBeautiful, jippromwovi dawk li jissejħu bħala Sugar Daddy jew Sugar Mama. Dan ifisser li persuni sinjuri jħallsu l-ispejjeż tal-edukazzjoni tal-istudenti li min-naħa tagħhom jirreċiprokaw “b’romantiċiżmu u passjoni.”
L-investigazzjoni bdiet wara li attivisti kontra l-prostituzzjoni lmentaw minn billboards ta’ riklamar dwar din l-inizjattiva f’Pariġi.
Il-Kunsill ta’ Pariġi kkundanna dak li sejjaħ bħala riklamar tal-mistħija u ħareġ ordni li l-billboards jitneħħew. Tqajjem ukoll tħassib li l-billboards b’din il-promozzjoni jistgħu jattiraw ukoll il-minorenni, minħabba li qed jitpoġġew ukoll qrib l-iskejjel.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u l-Ministru tal-Ugwaljanza Sesswali ta’ Franza appellaw biex il-kampanja titwaqqaf.
Iddiskrivew is-sit, li hu rreġistrat taħt l-isem ta’ RichMeetBeautiful Holding Ltd, f’The Plaza Commercial Centre, f’Tas-Sliema, bħala xejn inqas minn “għodda li tippromwovi l-prostituzzjoni.”
Ġie arrestat ukoll raġel li kien qed isuq vettura li magħha kellu l-billboard b’din l-inizjattiva. Hu qed ikun akkużat li ppromwova l-prostituzzjoni.
Iżda s-sidien tas-sit, Norveġiżi li tkellmu ma’ stazzjon Belġjan, iddefendew rwieħhom u qalu li s-sit tagħhom mhu xejn għajr sit ieħor ta’ dating onlajn.
//= $special ?>

