Lokali

Irridu nilħqu d-diversità kollha tas-soċjetà Maltija

Matul din il-ġimgħa l-kandidat għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Toni Bezzina, kompla b’diversi laqgħat li qed ikollu ma’ tesserati u attivisti tal-Partit fil-każini tal-Partit.

Waqt dawn il-laqgħat huwa ppreżenta l-għaxar punti ta’ prijorità li qed jipproponi bħala ħidma fil-Partit biex il-Partit jissaħaħ u jimxi għall-fażi li jmiss. Fost il-punti l-aktar li qajmu diskussjoni u nteress insibu dik dwar l-importanza tal-Programm Elettorali, fejn kien hemm qbil li dan għandu jkun eżerċizzju kontienwu tat-tħabbit tal-ideat kemm fil-Partit kif ukoll ma’ dawk kollha li jkunu kkonċernati mis-suġġett jew qasam diskuss. “Il-programm elettorali għandu jkun dokument ħaj u kontinwu”, sostna l-Perit Toni Bezzina.

Hekk kif f’din il-ġimgħa Toni Bezzina kien qed jiffokka fuq il-proposti tiegħu rigward il-ħidma fil-Partit, huwa tenna n-neċessità li l-Partit Nazzjonalista tispira l-fiduċja u l-interess fost id-diversità wiesa fis- soċjetà Maltija. Huwa stqar li tkun prużunzjoni min-naħa tiegħu li jagħti l-impressjoni li kellu s-soluzzjoninjiet kollha, iżda huwa kunfidenti li jaf u jista’ javda fuq dawk il-persuni li għandhom it-tagħrif neċessarju biex ikunu strumentali biex ifasslu l-aħjar proposti u ideat viżjunarji li għandu jkollu partit politiku modern li jaspira li jmexxi l-pajjiż ‘il quddiem.

“Filwaqt li Partit jitmexxa minn Kap wieħed, u Viċi Kapijiet appuntati mit-tesserati, dan ma jfissirx li l-politika u l-ideat jiġu minn din l-għajn biss, irridu nkunu aħna stess li nagħrfu nattiraw lil dawk li jistgħu jfasslu u jmexxu ‘l quddiem dawk is-setturi l-aktar importanti għas-suċċess ta’ dan il-pajjiż, kif dejjem għamlu gvernijiet Nazzjonlisti fis-snin tat-tkabbir u suċċess ekonomiku u soċjali.” Skond Bezzina din għanda tkun il-bażi ‘lli fuqha jitqwaqqfu u jitmexxew fora ta’ diskussjoni relatati mat-tfassil tal-proposit tal-Partit għas-snin li jmiss kif ukoll għall-elezzjoni ġenerali tiġi meta tiġi.

Sa ma jiġi dak inhar il-ħidma fil-Partit trid tkun immedjata fuq tħejjija għal dak il-jum temm jgħid il-Perit Toni Bezzina.