Internazzjonali

Konkorrenza fqira ta’ votanti fil-Kenja

 

Il-kummissjoni elettorali tal-Kenja qalet li anqas minn 34 fil-mija tal-votanti rreġistrati ħadu sehem fl-elezzjoni ripetuta tal-Ħamis għall-Presidenza tal-pajjiż. Iċ-ċifra hi anqas sew mill-konkorrenza rreġistrata għall-elezzjoni ta’ Awwissu, fejn kienu vvutaw kważi 80 fil-mija tal-elettorat.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Kenjana, Raila Odinga, fl-aħħar jiem, sejjaħ lis-sostenituri tiegħu biex jibbojkottjaw din l-elezzjoni, bil-votazzjoni tkun sospiża sa għada għal erba’ zoni tal-Kenja fejn seħħew il-battalji bejn il-pulizija u s-sostenituri tal-Oppożizzjoni. Ir-rapporti qalu li mietu talanqas żewġ persuni fil-vjolenza waqt il-votazzjoni, bil-vittmi jinkludu ġuvni adolexxenti li qala’ tiri fatali mill-pulizija fl-inħawi ta’ Kisumu.

Intant, il-President Kenjan, Uhuru Kenyatta, li kien iddikjarat rebbieħ tal-elezzjoni ta’ Awwissu, qed ifittex konferma ġdida wara li l-vot oriġinali kien annullat dwar ‘irregolaritajiet’. Hu, issa, qal li ‘il-Kenja tinsab imdejqa bl-elezzjonijiet’ u li wasal iż-żmien biex il-poplu jimxi ‘il quddiem. Min-naħa tiegħu Odinga kien irtira mit-tellieqa.

Il-Kummissjoni Elettorali tal-Kenja għandha sa sebat ijiem biex tiddikjara r-riżultati tal-elezzjoni għall-Presidenza.