Futbol Sport

L-għan ta’ Ibrahimovic hu li jirbaħ il-Premiership

Ibrahimovic

L-attakkant ta’ Manchester United Zlatan Ibrahimovic qal li l-għan tiegħu issa la darba rkupra minn injury serja hu li jgħin lit-tim tiegħu jirbaħ il-Premiership Ingliż.

Ibrahimovic kien ingħaqad mar-Red Devils fis-sajf tal-2016 u fl-ewwel staġun tiegħu mat-tim Ingliż kellu wirjiet mill-aqwa imma f’April li għadda sofra injury serja f’irkopptu.

Riżultat ta’ dan hu tilef il-finali tal-Europa League, finali li Man Utd rebħu kontra Ajax biex ikkwalifikaw għaċ-Champions League. L-istess plejer għen lit-tim jirbaħ il-Community Shield u l-League Cup imma f’kummenti li ta qal li hu ngħaqad mat-tim biex evntwalment jirbaħ il-kampjonat.

Man Utd ma ġeddewx il-kuntratt ta’ Ibrahimovic matul is-sajf li għadda imma ftit xhur wara tawh kuntratt ġdid u kien dak iż-żmien li l-attakkant Żvediż beda programm ta’ rijabilitazzjoni bit-tama li jirritorna għal logħob fil-bidu tas-sena li ġejja.

Hu irkupra aktar malajr milli kien mistenni u ħafna qed jistennew li sa Diċembru Ibrahimovic ikun lura fl-azzjoni.

“Jien se nirritorna biex inlesti dak li bdejt. Kuntent ħafna b’dak li għamilna fl-ewwel staġun tagħna imma jien xorta ma kellix it-tmiem li xtaqt. L-għan tiegħi minn dejjem kien li nirbaħ il-kampjonat u issa la darba nista’ nerġa’ nilgħab se nagħmel minn kollox biex nirbħu t-titlu,” qal Ibrahimovic.

“Fil-mument li weġġajt kont aktar ċert li se nirritorna għal logħob għax quddiemi kelli sfida. Matul il-karriera tiegħi qatt ma kelli injury serja u l-isfida kienet li nuri lil kulħadd li kien xettiku dwari li jien kapaċi nirkupra u nerġa’ nilgħab il-futbol fl-ogħla livell,” kompla jgħid Ibrahimovic.

Ibrahimovic temm jgħid li hu se jirtira mill-futbol meta jkun qed juri logħob tajjeb u mhux jirtira minħabba injury.

Man Utd qegħdin ħames punti taħt il-liders Man City u s-Sibt jilagħbu kontra Tottenham.