Fi stqarrija, sitt deputati nisa sejħu għal kundanna tal-kliem li konsulent tal-Gvern uża fuq il-profil tal-Facebook tiegħu aktar kmieni fir-rigward ta’ dawk in-nisa li qegħdin jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom li jipprotestaw. Huma qalu li qegħdin jippretendu kundanna għal dawn il-kliem ta’ Tony Zarb għaliex l-ebda Gvern ma għandu jibqa’ silenzjuz fil-konfront ta’ mentalita’ li turi disprezz lejn kwalunkwe mara, speċjalment fi żmien meta fil-pajjiż suppost li qegħdin inwettqu politika ta’ ugwaljanza bejn is-sessi, niġġieldu kull forma ta’ vjolenza fuq in-nisa, u nfittxu kif is-soċjeta’ Maltija turi li kapaċi tirrispetta d-dinjita tal-mara.
Is-sitt deputati f’isem il-Partit Nazzjonalista huma Therese Comodini Cachia, Claudette Buttigieg, Marthese Portelli, Roberta Metsola, Kristy Debono, u Maria Deguara.
“Lanqas ħaġa mistennija mill-Gvern li jimpjega lill-istess bħala konsulent ta’ Ministru u li saħansitra għażel lil Tony Zarb bħala persuna li għandha tiġi maħtura anke fuq bordijiet ta’ awtoritajiet, hija li l-Gvern jiddistakka ruħu mill-kummenti espressi minn Zarb”, saħqu dan id-deputati.
Id-deputati qalu li dan mhux tentattiv biex isikket lil Zarb li għandu jibqa’ jgawdi d-dritt tal-espressjoni tiegħu. Din hija sejħa lil Gvern sabiex mill-paroli jgħaddi għal fatti, sabiex jieqaf jgħid bil-kliem li jemmen fl-ugwaljanza bejn is-sessi u li jrid rispett lejn id-dinjita’ tal-mara u jgħaddi għal fatti billi jiddikjara li l-Gvern jiddistakka ruħu minn dak espress mill-konsulent tiegħu.
//= $special ?>