Internazzjonali

SPANJA: Rajoy isejjaħ għal tmexxija diretta fuq Katalonja

Il-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy

Il-Prim Ministru ta’ Spanja, Mariano Rajoy ftit tal-ħin ilu, sejjaħ lis-Senaturi f’Madrid biex japprovaw it-tmexxija diretta ta’ Spanja fuq ir-reġjun ta’ Katalonja. Dan kien l-aħħar żvilupp kruċjali fil-kriżi li eskalat dwar l-impenn ta’ Katalonja biex tikseb l-indipendenza mill-kumplament ta’ Spanja u wara r-referendum polemikuż ta’ ġimgħat ilu f’dan ir-reġjun.

Rajoy qal li, fuq kollox, irid iwarrab lill-Mexxej Katalan, Carles Puigdemont, flimkien mal-Viċi-President u l-Ministri kollha ta’ Katalonja, bid-diskors tal-Prim Ministru jintlaqa bl-applawż fil-kamra tas-Senat fejn il-Partit Popolari tal-istess Rajoy għandu l-maġġoranza.

Il-Prim Ministru Spanjol żied jgħid li qed isejjaħ għall-miżuri eċċezzjonali għaliex ma kienx hemm triq oħra fiċ-ċirkustanzi. Hu, intant, insista dwar il-ħtieġa li jirritornaw id-demokrazija, l-istabbilità u r-rispett għal-liġi f’Katalonja.

Is-Senat ta’ Spanja kmieni llum beda jiddiskuti l-pjan tal-Gvern ta’ Madrid biex jassumi wħud mill-poteri awtonomi tar-reġjun ta’ Katalonja u ‘il quddiem mistenni jgħaddi l-miżuri ta’ emerġenza li jinkludu t-tkeċċija tal-Mexxej Katalan  Puigdemont.

Mill-banda l-oħra, il-Parlament ta’ Katalonja qed jiddibatti l-possibbiltà li jiddikjara l-indipendenza minn Spanja fis-sigħat li jmiss. Id-dibattitu beda l-Ħamis wara li Carles Puigdemont naqas milli jiżvela triq ta’ azzjoni filwaqt li stieden lid-deputati tal-Parlament Katalan biex jiddeċiedu huma dwar ir-reazzjoni għal Madrid.