Ftit ġimgħat ilu, fil-kwartieri tal-FIFA fi Zurich, ittellgħu l-poloz biex kienu magħrufa l-erba’ partiti tal-play-offs taż-żona tal-Ewropa.
It-timijiet involuti se jkunu l-aħjar tmien timijiet li spiċċaw it-tieni fil-grupp rispettiv tagħhom.
Ir-rebbieħa tat-Tazza tad-Dinja tal-2006, l-Italja se jilagħbu kontra l-Iżvezja, filwaqt li l-Iżvizzera telgħu biex jilagħbu kontra l-Irlanda ta’ Fuq, il-Kroazja se jilagħbu kontra l-Greċja u d-Danimarka se jaffrontaw lill-Irlanda. L-ewwel u t-tieni legs se jsiru bejn id-9 u l-11 ta’ Novembru filwaqt li t-tieni legs jintlagħbu bejn it-12 u l-14 ta’ Novembru, bir-rebbieħa jingħaqdu mad-disa’ nazzjonijiet l-oħra bħala r-rappreżentanti tal-kontinent għat-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla. Sa issa, mal-organizzaturi r-Russja ngħaqdu magħhom Franza, il-Portugall, il-Ġermanja, is-Serbja, il-Polonja, l-Ingilterra, Spanja, il-Belġju u l-Iżlanda, u sa issa għaddew 23 tim minn 32 tim li se jieħdu sehem fil-fażi finali.
Minbarra dawn l-erba’ postijiet, l-aħħar ħames postijiet ikunu deċiżi bejn l-10 u l-15 ta’ Novembru, hekk kif tliet timijiet tal-Afrika għadhom iridu jikkwalifikaw, filwaqt li l-play-offs interkontinentali jikkonfermaw l-aħħar żewġ timijiet.
Il-poloz għal fażi tal-gruppi għat-Tazza tad-Dinja jitilgħu fl-1 ta’ Diċembru f’Moska, bit-32 tim ikunu maqsuma fi tmien gruppi ta’ erbgħa skont ir-rankings tal-FIFA li ppublikat f’Ottubru.
Minbarra n-nazzjonijiet Ewropej, il-pajjiżi l-oħra li għaddew huma l-Brażil, l-Iran, il-Ġappun, il-Messiku, il-Korea ta’ Isfel, is-Sawdi Arabja, in-Niġerja, il-Costa Rica, l-Eġittu, l-Arġentina, il-Kolombja, l-Urugwaj u l-Panama.
IRLANDA TA’ FUQ V ŻVIZZERA
Wieħed jista’ jgħid li l-Iżvizzera jistgħu jħossuhom sfortunati li ma ikkwalifikawx b’mod awtomatiku għall-fażi finali wara li ġabu 27 punt minn 10 partiti. Għalihom, fil-fatt, dan kien l-akbar ammont ta’ punti li qatt ġabu f’fażi ta’ kwalfikazzjoni ta’ turnament maġġuri. Barra minn hekk, huma ġabu aktar punti minn ħames timijiet li rebħu l-grupp tagħhom.
It-tim Żvizzeru li se jkun qed jilgħab f’din il-play-off hu wieħed ferm simili għal dak li kkompeta fl-Euro 2016. Dan ifisser li l-plejers jafu sew lil xulxin. Plejer li wieħed irid josserva sew hu Denis Zakaria ta’ Borussia Mönchengladbach. Bla dubju dan, flimkien ma’ Granit Xhaka se jkun ta’ theddida għall-Irlandiżi.
Ta’ min jinnota li mit-tmien timijiet li se jilagħbu fil-play-offs l-Iżvizzera huma t-tim bl-aħjar pożizzjoni fir-rankings mondjali tal-FIFA hekk kif dawn jinsabu fil-11-il post.
Minn naħa l-oħra l-Irlanda ma tantx huma tim mimli bi stilel u wieħed jista’ jgħid li l-aktar plejer li għandu esperjenza f’dan il-livell hu Jonny Evans. Hu, flimkien ma’ Gareth McAuley se jkunu l-bażi li fuqha se jiffoka l-logħob tiegħu il-kowċ O’Neill.
Fl-ewwel tmien partiti tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni l-Irlandiżi ma qalgħux gowl f’sebgħa minnhom u dan juri l-qawwa difensiva tat-tim. Dan ifisser li jekk kemm-il darba l-Irlandiżi ma jsofrux gowl dawn ikunu b’ċans li jirbħu kontra t-tim li se jibda favorit f’din il-play-off. F’dawn l-aħħar erba’ snin huma tilfu biss darba f’darhom u b’hekk se jkunu qed ifittxu li jiksbu riżultat tajjeb qabel ma jilagħbu t-tieni leg fil-belt ta’ Basel.
Din se tkun l-ewwel darba li l-Irlanda ta’ Fuq se tkun qed tilgħab fi play-off ta’ turnament maġġuri filwaqt li fl-1962 l-Iżvizzera kienu involuti darbtejn fi play-off. Fl-1962 l-Iżvizzeri għaddew għat-Tazza tad-Dinja wara li għelbu lill-Iżvezja filwaqt li fl-2006 għaddew għat-Tazza tad-Dinja fil-Ġermanja wara li eliminaw lit-Turkija.
KROAZJA V GREĊJA
Minkejja li kienu meqjusa bħala t-tim favorit li jirbaħ il-grupp, il-Kroazja mhux talli ma rebħux il-grupp imma anke kellhom jistennew sal-aħħar logħba biex jaċċertaw mit-tieni post. Huma għamlu dan wara li għelbu lill-Ukrajna jiem wara li l-kowċ Ante Cacic kien diġa’ tkeċċa mill-kariga.
Minn naħa l-oħra l-Greċja marru tajjeb fil-grupp tagħhom u l-fatt li se jkunu qed jilagħbu fil-play-off hu diġà suċċess.
Huma kellhom avventura diżastruża fl-Euro 2016 u minn dakinhar ‘l hawn il-kowċ Michael Skibbe mexxa lit-tim sa dan it-tragward. It-tim Grieg, li fuq il-karta m’hu xejn speċjali tilef biss kontra l-Belġju u sofra biss sitt gowls f’10 partiti.
Il-Kroati jibdew favoriti li jirbħu dan il-konfront imma ma tkunx sorpriża jekk il-Griegi jkomplu jimpressjonaw.
Fil-passat il-Kroazja ħadu sehem f’żewġ play-offs. Huma għaddew għat-Tazza tad-Dinja tal-1998 meta dakinhar għelbu lill-Ukrajna u fl-2014 kienu għelbu lill-Iżlanda biex ikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja tal-Brażil.
ŻVEZJA V ITALJA
Bla dubju l-aktar konfront li jispikka mill-erba’ play-offs. Wara li Ibrahimovic irtira minn man-nazzjonal, l-Iżvezja bdiet ħajja ġdida u r-riżultati li kiseb it-tim kienu ferm pożittivi, anke jekk mingħajr dan il-plejer deċiżiv.
Fi grupp diffiċli l-Iżvediżi skurjaw 26 gowl u fil-fatt huma l-aktar tim minn tmienja li se jilagħbu fil-play-offs, li skurja gowls. Minn naħa tagħhom, it-Taljani, fil-fażi tal-gruppi skurjaw 21.
Minkejja li l-Italja se jibdew favoriti li jirbħu dan il-konfront, l-Iżvezja diġà għelbu lil Franza u dan hu sinjal li t-tim jati sfida denja lil kwalunkwe avversarju.
Kif kien mistenni, t-Taljani spiċċaw fit-tieni post tal-grupp tagħhom wara Spanja. It-Taljani, wara t-telfa ta’ 3-0 kontra Spanja komplew inaqqsu fir-ritmu u fl-aħħar partiti tagħhom iddiżappuntaw. Jekk kemm –il darba ma jridux ikollhom problemi kontra l-Iżvezja bla dubju li jridu jtejjbu dawn il-wirjiet.
L-Iżvezja lagħbu fi tliet play-offs u l-uniku darba li rebħu kien meta eliminaw lill-Awstrija u ikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja tal-1974.
Huma tilfu kontra l-Iżvizzera fil-play-off għat-Tazza tad-Dinja tal-1962 u tilfu kontra l-Portugall fil-play-off għat-Tazza tad-Dinja tal-2014.
It-Taljani lagħbu u rebħu play-off kontra r-Russja biex ikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja tal-1998. Dakinhar, fl-ewwel leg tad-29 ta’ Ottubru tal-1997 kien għamel id-debutt tiegħu bejn il-lasti l-gowlkiper Gianluigi Buffon u dan mistenni jerġa’ jkun bejn il-lasti Taljani fil-logħba kontra l-Iżvezja.
Dakinhar hu kien daħal bħala sostitut minflok Pagliuca li kien weġġa’.
DANIMARKA V IRLANDA
L-Irlanda se jkunu qed jaffrontaw tim diffiċli li lejn tmiem il-fażi ta’ kwalifikazzjoni beda juri logħob mill-aqwa. Bla dubju l-akbar theddida għall-Irlandiżi se jkun Nicolai Jorgensen li attwalment qed jokkupa l-ewwel post fil-klassifika tal-aqwa skorers tal-Olanda.
Il-fatt li plejer tal-klassi ta’ Kasper Dolberg qed jibda diversi drabi minn fuq il-bank juri l-għażla vasta li għandu l-kowċ Age Hareide.
Wieħed jista’ jgħid li l-fatt li l-Irlanda waslu s’hawn diġà hu ħafna għalihom u issa se jkunu qed jippruvaw jirbħu għat-tieni darba play-off ta’ turnament maġġuri. Kontra Spanja huma ġew eliminati mill-play-offs għat-Tazza tad-Dinja tal-1966. Huma tilfu wkoll kontra l-Belġju fil-fażi tal-play-offs għat-Tazza tad-Dinja tal-1998.
Fl-2010 ma għaddewx għat-Tazza tad-Dinja meta tilfu play-off kontra Franza. L-uniku darba li kienu rebħu play-off kien meta eliminaw lill-Iran biex għaddew għat-Tazza tad-Dinja tal-2002.
Minn naħa tagħhom, id-Daniżi qatt ma lagħbu fi play-off.
Il-poloz
9 ta’ Novembru
Irlanda ta’ Fuq v Żvizzera (I Leg)
Kroazja v Greċja (I Leg)
10 ta’ Novembru
Żvezja v Italja (I Leg)
11 ta’ Novembru
Danimarka v Irlanda (I Leg)
12 ta’ Novembru
Żvizzera v Irlanda ta’ Fuq (II Leg)
Greċja v Kroazja (II Leg)
13 ta’ Novembru
Italja v Żvezja (II Leg)
14 ta’ Novembru
Irlanda v Danimarka (II Leg)