Il-konsulent tal-Gvern Tony Zarb, eks Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union, matul il-lejl li għadda nfexx f’attakk fuq in-nisa li qed jokkupaw Pjazza Kastilja fejn se jikkampjaw sal-Ħadd li ġej.
Zarb stieden lil dawk li qed jipprotestaw paċifikament biex imorru Strada Stretta u lura għas-sittinijiet. “Hemm kienu jkunu fil-veru post tagħhom għax hemm ikun hemm ħafna xi jsaħħnu,” iddikjara Tony Zarb.
Filwaqt li ttimbrahom bħala “qatta tradituri” u “ċorma assassini li biex jaħtfu l-poter jaslu jagħmlu kollox,” għalaq il-kumment tiegħu billi qal li hu “persważ li jekk iħossu l-kesħa jsibu min isaħħanhom.”
Iżda minflok skuża ruħu, affaċċjat minn sensiela ta’ kritika, Zarb neħħa l-post u ħoloq oħra fejn kompla jgħajjar lil dawn in-nisa u jilgħabha tal-vittma.
Filwaqt li ddikjara li hu mweġġa’ ħafna, ittimbra lil dawn in-nisa bħala tradituri li qed jagħmlu ħsara lil pajjiżna u attakka lil min ikkritikah.


