Il-ħidma tal-Oppożizzjoni fil-Parlament hija waħda effettiva. Wara insistenza tal-Oppożizzjoni, il-Gvern kellu jċedi biex nhar it-Tnejn il-Parlament jiddiskuti t-talbiet tal-Oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili li, bħall-Oppożizzjoni u kull min għandu għal qalbu l-valuri tas-sewwa, qed jitolbu li r-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali u li dawn jinħatru bl-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-kamra.
Qal dan il-Whip tal-Oppożizzjoni u kandidat għall-ħatra ta’ Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlament David Agius.
Jekk jinħatar bħala Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament, David Agius huwa impenjat li juża l-esperjenza tiegħu biex ikun ta’ spalla għall-Kap tal-PN Adrian Delia fil-ħidma parlamentari biex il-Parlament jibqa’ l-post minn fejn l-Oppożizzjoni tkompli ssemma’ leħinha u leħen is-soċjetà ċivili fi żminijiet daqshekk diffiċli għal pajjiżna.
Il-kandidat għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius nhar il-Ħadd se jkun qed jattendi għad-dimostrazzjoni nazzjonali organizzata min-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili f’Tas-Sliema li qed titlob ġustizzja għall-assassinju politiku ta’ Daphne Caruana Galizia u qed iħeġġeġ lil kull min iħaddan il-valuri tas-sewwa u l-ġustizzja biex jingħaqad miegħu f’din id-dimostrazzjoni.
David Agius faħħar ukoll l-impenn kuraġġuż tan-nisa li qed jikkampjaw quddiem Kastilja u sejjaħ bħala insult lejn in-nisa kollha l-kliem oxxen li uża Tony Zarb fuq Facebook biex jattakka lil dawn in-nisa.
//= $special ?>
