Lokali

FILMAT: “Lanqas għall-ewwel tqarbina ma ħallietha tara lin-neputi”

X'inhuma l-problemi li jiltaqgħu magħhom in-nanniet illum il-ġurnata? - Nitkellmu mal-fundatur ta' Nanniet Malta, Philip Chircop

“Sfortunatament jeżistu każijiet f’Malta fejn in-nanniet jiġu abbużati u mhedda li ma jitħallewx jaraw lin-neputijiet tagħhom. U aktar ma nitkellmu fuqha, aktar qed nisimgħu każijiet u nindunaw kemm hi gravi s-sitwazzjoni. Din hija realta'”, kliem il-fundatur tal-Fondazzjoni Nanniet Malta Philip Chircop.

F’intervista ma’ Net News, Philip Chircop irrakkonta diversi esperjenzi ta’ nanniet li jfittxu għall-għajnuna dwar problemi fil-familji, fejn dawn jispiċċaw vittmi ta’ abbuż, u saħansitra jweġġgħu – u li minħabba dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli fl-aħħar mill-aħħar ibatu wkoll in-neputijiet.

Il-fondazzjoni Nanniet Malta, għal dan il-għan, nehdiet ukoll petizzjoni biex jiġu protetti d-drittijiet tan-nanniet u jkollhom id-dritt li jaraw lin-neputijiet f’ċertu ċirkostanzi kif tkun tipprovdi il-liġi. Hawnhekk, Philip għal darb’oħra qalilna b’episodju fejn nanna ma tħallitx tara lin-neputi tagħha jieħu l-ewwel tqarbina.

F’dan il-mument ukoll, il-fundatur ta’ Nanniet Malta stqarr ma Net News, li ma tistax tiġġeneralizza u titfa’ lil kulħadd f’keffa waħda. Kompla jtenni li f’kull każ trid tara jekk in-nanniet jaħtux u jekk humiex huma stess għandhomx tort dwar għalfejn qed jiġu mċaħda milli jaraw lin-neputijiet. Importanti, li wieħed jagħmel distinzjoni u jimxi każ każ fl-interess tat-tfal u l-partijiet involuti.

Philip Chircop qal ukoll, li n-nanniet huma parti essenzjali mill-familja, u ħafna familji huma bbażżati fuq l-imħabba tagħhom. Iżda sfortuantament, hemm ċirkostanzi fejn jitħallew jiġu abbandunati. Madanakollu, hemm realtajiet ukoll fejn fiżikament ma jkunux qegħdin ileħqu mal-bżonnijiet tal-familja.

Minkejja li l-fondazzjoni Nanniet Malta għadha relattivament ġdida, huma jorganizzaw numru ta’ attivitajiet biex iżomm l-anzjani nanniet attivi. Ukoll, ftit taż-żmien ilu inawguraw l-uffiċju l-ġdid tagħhom f’Santa Venera.