Futbol Sport

FUTBOL U17 – L-Ingilterra champions tad-Dinja

It-tim nazzjonali Ingliż ta’ taħt is-17-il sena ġie nkurunat champion tad-dinja għall-ewwel darba meta f’finali mill-aktar eċċitanti għeleb lil Spanja bi skor ta’ 5-2. Spanja kienu 2-0 minn fuq imma b’qalb kbira l-Ingliżi wettqu rimonta storika. Din kienet l-ewwel darba li l-Ingilterra rebħu dan it-titlu.

Grazzi għal din ir-rebħa l-Ingliżi pattew għat-telfa li sofrew kontra l-istess Spanja f’Mejju li għadda fil-finali tal-Kampjonat Ewropew.

Għal Spanja din kienet ir-raba’ darba li tilfu l-finali tat-Tazza tad-Dinja f’dan il-livell.
Fl-10 minuta Spanja fetħu l-iskor permezz ta’ Sergio GOMEZ li skurja mill-viċin wara li Cesar Gelabert waqqalu ballun bir-ras.

Fil-31 minuta dawn komplew iżidu mal-iskor u din id-darba reġa’ kien GOMEZ li b’xutt minn tarf il-kaxxa għeleb lill-gowlkiper.

Kien wara dan il-gowl li l-Ingliżi bdew deħlin fil-logħba u minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima Sessengnon tefa’ cross lejn BREWSTER li bir-ras naqqas id-distakk.

Fit-58 minuta l-Ingitlerra ġabu d-draw meta Morgan GIBBS WHITE skurja mill-viċin.
Kien fis-70 minuta meta wasal il-gowl li poġġa lill-Ingliżi fil-vantaġġ meta Callum Hudson-Odoi għadda lejn Phil FODEN li ma żbaljax biex għamel l-iskor 3-2.

Meta kien għad fadal ħames minuti l-Ingliżi ssiġillaw is-suċċess b’gowls ta’ GUEHI u FODEN.

Fil-partita l-oħra l-Brażil rebħu 2-0 kontra Mali biex spiċċaw fit-tielet post. Il-gowls tal-Brażiljani waslu fit-tieni taqsima u kienu skurjati minn Alan u Yuri Alberto.