Ambjent Lokali

Għaqdiet Ambjentali jikkundanaw l-estenzjoni il-ħinjiet tal-kaċċa u l-insib

Il-federazzjoni tal-Park tal-Majjistral, bl-appoġġ ta’ Din l-Art Ħelwa, l-Fondazzjoni Gaia, Nature Trust u BirdLife Malta, jinsabu urtati bil-passi li ħa l-Ministru tal-Ambjent kontra l-protezzjoni tal-ambjent u l-interess tal-pubbliku. Dan wara li estenda l-ħinijiet tal-insib mill-għaxra għan-nofs siegħa u dak tal-kaċċa mill-għaxra għas-sagħtejn u nofs.

Dawn il-bidliet daħlu fis-seħħ minn nhar il-Ġimgħa, minkejja li Nature Trust, il-Fondazzjoni Gaia u Din l-Art Ħelwa ma qablux fuq l-estensjoni tal-ħinijiet u minkejja li emendi ta’ din ix-xorta għandhom ikollhom konsultazzjoni pubblika, kif hemm imniżżel fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent. Intant, il-Park tal-Majjistal huwa għal-maġġoranza art pubblika madankollu d-drittijiet tal-kaċċaturi u n-nassaba huma differenti għal-dawk ġewwa postijiet oħra.

Fuq kollox, din id-deċiżjoni tal-gvern tmur kontra l-użu sostenibbli fuq sit tan-Natura 2000 u fuq park naturali.

Dan minbarra n-nuqqas ta’ attivitajiet edukattivi u ta’ turiżmu fl-istaġuni tal-kaċċa u l-insib u li minkejja li diġa hemm diversi gruppi li mistennija iżuru il-park fix-xhur li ġejjin, xorta waħda ġew implementati dawn it-tibdiliet, anke jekk is-sigurtà għandha dejjem tingħata priorità.

L-erbgħa organizzazzjonijiet non governattivi saħqu li din l-azzjoni ġiet mwettqa sabiex il-gvern jonora il-wegħdiet tiegħu li jinkludu wkoll ir-reviżjoni ta’ multi u penali. L-estensjoni tal-ħinijiet għal benefiċċju tal-ftit iżda għad-detriment tal-bqija tal-poplu turi li l-Ministeru tal-ambjent qiegħed hemm sabiex jaqdi u jagħmel favuri lil ftit, filwaqt li s-sostenibilità tal-ambjent tieħu t-tieni priorità.