Il-kampanja edukattiva u informattiva Wines of Distinction għandha l-għan li tgħarraf il-poplu Malti fuq is-siġill DOK Malta, DOK Gozo u IGT Maltese Islands biex tqajjem interess fl-inbejjed lokali ta’ kwalità.
Minkejja li l-perċezzjoni dwar l-inbid lokali ta’ kwalità ħadet xejra pożittiva tul dawn l-aħħar 10 snin, studju riċenti tad-Direttorat tal-Agrikoltura juri b’mod ċar il-ħtieġa ta’ kampanji bħal dawn li jżidu l-għarfien fuq l-kwalità tal-inbejjed lokali.
Wara taħdidiet li kien hemm mal-produtturi tal-inbid f’Malta sabiex jiġu mifhuma aħjar il-bżonnijiet tagħhom, id-Direttorat tal-Agrikoltura ħejja pjan sabiex ikompli jsir investiment fil-kampanja ta’ promozzjoni tal-inbid.
Id-Direttur tal-Agrikoltura, Saviour Debono Grech, faħħar id-dedikazzjoni u l-bżulija tal-bdiewa lokali biex tintlaħaq din il-kwalità skont qafas regolatorju Ewropew billi jsegwu l-produzzjoni tal-għeneb matul is-sena u jassiguraw li l-għeneb jilħaq kwalità għolja sakemm jinqata’. Huwa taha ġieħ ukoll lill-għassara li jassiguraw li l-għeneb jiġi maħdum ġo nbid distint.
F’Malta hawn disa’ għassara jew produtturi tal-inbid DOK u IGT, li bejniethom jikkultivaw madwar 450 ettaru ta’ dwieli u għasru ftit inqas minn 460,000 litru ta’ inbid bejn l-2016 u l-2017.
//= $special ?>