Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER – Hibernians jaċċertaw fl-aħħar għaxar minuti

Stewart Said

LIJA A……………….0
HIBERNIANS………3

Żewġ gowls tard fit-tieni taqsima kkonfermaw ir-ritorn għar-rebħ taċ-champions Hibernians wara li għelbu lil Lija Athletic 3-0. Rebħa meritata minħabba li l-Pawlisti ddettaw il-logħob u kellhom diversi okkażjonijiet fejn setgħu jiskorjaw.

Il-limitazzjonijiet ta’ Lija għadhom hemm, iżda kollox ma’ kollox reġgħu offrew prestazzjoni qalbiena li madankollu ma wasslet imkien. Kien proprju kif pruvaw javvanzaw ftit biex isalvaw xi ħaġa li sofrew iż-żewġ gowls l-oħra.

Hibernians ħolqu l-ewwel periklu wara żewġ minuti, bi kross ta’ Marco Sahanek lejn Leandro da Silva, iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet ftit barra. Lija wieġbu għaxar minuti wara b’xutt ta’ Raphael Kooh Sohna li għadda barra. Il-Pawlisti kienu perikolużi fit-18-il minuta bi free-kick insidjuż mir-rokna ta’ Clayton Failla li ħoloq periklu fid-difiża avversarja.

It-tim ta’ Miller kompla jattakka u sitt minuti wara kellhom ċans tad-deheb meta tilfu l-pussess fid-difiża, Jurgen Degabriele qassam lejn Leandro da Silva li avvanza, iżda x-xutt finali tiegħu kien salvat minn saqajn Martinelli.

Il-Pawlisti fetħu l-iskor meritatament fil-41 minuta. Kien Marco SAHANEK li minn tarf il-kaxxa, ġibed il-ballun fuq ix-xellug u b’xutt tajjeb għar-rokna għeleb lil Jonathan Martinelli. L-unika reazzjoni ta’ Lija sa tmiem l-ewwel taqsima kien free-kick ta’ Predrag Babic li għadda barra.

Fit-53 minuta, Andrew Hogg kellu jdawwar f’korner free-kick ta’ Erjon Beu. Hibernians reġgħu bdew ikunu perikolużi u ħames minuti wara, Jurgen Degabriele seta’ għamel aħjar meta xeħet barra mill-kaxxa wara li rċieva ballun fit-tul mil-lemin.

Żewġ minuti wara Martinelli salva tajjeb fuq xutt ta’ Sahanek, biex sitt minuti wara minn kross ta’ Bjorn Kristensen, id-daqqa ta’ ras ta’ Johann Bezzina spiċċat fuq il-lasta. Azzjoni oħra ta’ Hibernians kwarta mit-tmiem meta Clayton Failla krossja lejn Jurgen Degabriele li xxuttja iżda Martinelli salva tajjeb.

Id-distakk bejn iż-żewġ timijiet baqa’ ta’ gowl, b’Lija jattakkaw sporadikament. Kien fit-82 minuta li Kooh Sohna ttanta xortih b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa, b’Hogg ikun attent u jsalva tajjeb. Ftit sekondi wara, Leandro da Silva kellu okkażjoni oħra iżda minkejja li kien minn pożizzjoni tajba, il-lob tiegħu spiċċa fuq il-mimduda.

Hibernians serrħu rashom mir-rebħa fit-83 minuta meta Jurgen DEGABRIELE dar tajjeb mal-gowlkiper Martinelli u skorja f’lasta prattikament vojta. Hogg reġa’ kellu jintervjeni erba’ minuti wara meta salva fuq daqqa ta’ ras ta’ Kooh Sohna.

Iċ-champions saħansitra skorjaw it-tielet gowl fid-89 minuta, b’Jurgen Degabriele jqassam lejn Johann Bezzina li x-xutt tiegħu deher destinat għal barra iżda kien imxellef minn Predrag Babic biex daħal fix-xibka.