George Cassar
NAXXAR L…….1
FLORIANA…….2
Floriana rritornaw għar-rebħ wara nuqqas ta’ tliet partiti bil-gowl deċiżiv jasal minn penalty ta’ Mario Fontanella fl-94 minuta. L-aħħar minuti tal-partita kienu drammatiċi fejn rajna żewġ penalties u żewġ tkeċċijiet minn fuq il-bank.
Fontanella spiċċa minn viljakk għal eroj hekk kif falla l-ewwel penalty fil-85 minuta, iżda skorja t-tieni wieħed fl-aħħar sekondi biex ta rebħa sofferta lill-Greens.
Għall-ewwel darba dan l-istaġun il-logħob tal-Premier reġa’ beda jintlagħab fil-Hibernians Stadium li l-art tiegħu dehret f’kundizzjoni tajba ħafna.
Erba’ minuti qabel intemmet l-ewwel taqsima Floriana skurjaw meta d-difensur Arnaud Mendy biegħed fil-qasir il-ballun bir-ras, Nicholas Chiesa approfitta u kompla bir-ras lejn Ignacio VARELA li b’xutt perfett bid-dawra qabbeż minn fuq il-gowlkiper Naxxari Christoph Nicht għall-gowl spettakolari.
L-ewwel taqsima ntemmet fuq togħma morra għall-attakkant Arġentin li spiċċa bil-ponti f’rasu wara li ntlaqat mill-minkeb ta’ Adrian Cascaval u għaldaqstant ma kompliex il-partita.
Naxxar ġabu l-gowl tal-parità kwarta mit-tmiem meta minn korner ta’ Mateo Bustos, il-ħarġa tal-gowlkiper Ini Akpan kienet kompletament żbaljata, biex Adrian CASCAVAL ħa l-ballun mitluf u tefa’ fir-rokna tax-xibka.
Ħames minuti mit-tmiem, feġġ l-ewwel xaqqa ta’ tama għall-Furjaniżi meta minn azzjoni li bdiet minn korner, Maurizio Vella daħal fil-kaxxa u waqa’ f’saqajn Duane Bonnici bir-referì jikkmanda penalty. Madankollu l-gowlkiper Awstrijak Nicht intefa’ fuq il-lemin tiegħu u laqa’ ferm tajjeb il-penalty ta’ Mario Fontanella. Wara din l-azzjoni, ir-referì keċċa lill-gowlkiper ta’ riserva Omar Borg minn fuq il-bankina minħabba protesti persistenti.
Id-drama kienet għadha ma spiċċatx hekk kif fil-ħin miżjud ir-referì saffar għal penalty ieħor favur Floriana għal kuntatt bejn Bonnici u Fontanella. Il-kowċ ta’ Floriana Giovanni Tedesco beda jinsisti li l-penalty ma jagħtihx Fontanella u saħansitra qabeż il-linja tiegħu biex spiċċa biex tkeċċa wkoll.
Minkejja dan, FONTANELLA għaddiet tiegħu u din id-darba għolla l-penalty għar-rokna leminija ta’ fuq biex għeleb lil Nicht u skorja l-gowl li reġa’ poġġa lil Floriana fit-triq tar-rebħ.
//= $special ?>