Lokali

Raġel arrestat fil-Marsa wara li allegatament deher qed jipprova jisraq minn xi vetturi

Arkivji
Fit-tfittxija li saret fil-vettura, nstabu xi għodda, oġġetti relatati mad-droga u diversi oġġetti oħra fosthom arma li taqta’ u bil-ponta.

Raġel ta’ 38 sena ġie arrestat fil-Marsa wara li allegatament intlemaħ jipprova jisraq minn vetturi li kienu f’parkeġġ fil-Birgu.

Il-każ seħħ matul il-lejl li għadda, għall-ħabta tas-siegħa neqsin kwart, fejn il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fil-parkeġġ li hemm fl-akkwati ta’ Fuq Fortini, fil-Birgu minħabba li kien hemm xi persuna li allegatament kienet qiegħda tipprova tisraq minn ġo xi karozzi. Jidher li din il-persuna ndunat li xi ħadd kien innutah jagħmel dan u għalhekk ħarab minn fuq il-post permezz ta’ vettura li eventwalment rriżulta li kienet misruqa.

Il-Pulizija marru immedjatament fuq il-post u wara li għamlet spezzjoni fl-inħawi, ġiet innutata l-vettura in kwistjoni li kienet qiegħda tinstaq mir-raġel, fid-direzzjoni tal-Birgu. Hekk kif is-sewwieq ta’ din il-vettura suspettuża, intebaħ li kien qed jiġi segwit mill-Pulizija u għamlulu s-sinjal sabiex jieqaf, huwa baqa’ jsuq u żied il-veloċità. Minħabba f’hekk ntalbet l-assistenza tar-Rapid Intervention Unit.

Is-suspettat baqa’ jsuq b’mod perikoluż u b’veloċità qawwija sakemm il-Pulizija rnexxiela twaqqfu u tarrestah ġewwa l-Marsa. Wara dan saret tfittxija fil-vettura tar-raġel fejn instabu xi għodda, oġġetti relatati mad-droga u diversi oġġetti oħra fosthom arma li taqta’ u bil-ponta.

Ir-raġel ittieħed ġewwa l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal iktar stħarriġ iżda minħabba li beda jilmenta minn xi uġigħ, huwa ttieħed ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana għall-kura medika.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.