L-aspirazzjonijiet fundamentali tal-Ewropa huma ukoll aspirazzjonijiet fundamentalment Insara bbażati fuq il-konvinzjoni li l-bniedem jgħix tajjeb jekk jgħix fi stat fejn id-drittijiet fundamentali huma rrispettati u fejn is-saltna tad-dritt mhijiex biss kelma iżda hija ukoll realtà ta’ kuljum.
Kliem l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Charles J. Scicluna li jinsab il-Vatikan ma’ delegazzjoni Maltija li qed tieħu sehem fil-kungress ‘(Re)Thinking Europe’, kungress li joffri opportunità ta’ djalogu bejn dawk kollha nvoluti fil-proġett Ewropew li jixtiequ jaħdmu favur il-ġid komuni.
L-Arċisqof insista biex inkunu solidali meta naħdmu fuq il-ġid komuni Ewropew billi naħsbu fid-dinja inġenerali, f’popli oħra u l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Aċċenna ukoll li s-soċjetà għandha tirrispetta d-dinjità tal-bniedem billi jgħożż il-valur tal-ħajja mill-bidu nett tal-konċipent sat-tmien naturali tal-ħajja.
Dawn iż-żewġ materji ttratathom ukoll l-MEP Nazzjonalista, Roberta Metsola, li f’dan il-kungress saħqet kif il-prinċipji u l-valuri tal-politiċi u r-rappreżentanti Ekkleżjastiċi Ewropej għandhom ikunu fil-qofol ta’ kull deċiżjoni li jieħdu. Mingħajr ma tintilef l-identità kulturali u storika ta’ kull pajjiż, l-Unjoni Ewropea għandha tgħaqqad il-popli tal-istati msieħba billi tikkonvinċihom li l-ġid ta’ pajjiż huwa ġid komuni Ewropew.
Il-kelliema ewlenin jinkludu l-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tas-Santa Sede, Frans Timmermans, Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, u Antonio Tajani, President tal-Parlament Ewropew.
Dan id-djalogu laqqa’ aktar minn 350 parteċipant mit-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea, fosthom rappreżentanti għolja tal-Knisja u mexxejja politiċi Ewropej u ntemm b’udjenza mal-Papa Franġisku.
//= $special ?>