Lokali

“Sarima” mill-Avukat Ġenerali ma’ ħalq eks-impjegat tal-FIAU

L-Avukat Ġenerali Peter Grech

Tentattiv mill-Avukat Ġenerali biex titpoġġa sarima ma’ ħalq eks-impjegat tal-Financial Intelligence Analysis Unit.

Sostna dan Jason Azzopardi, li qed jidher għan-nom ta’ Jonathan Ferris fil-kawża quddiem it-Tribunal Industrijali dwar it-tkeċċija inġusta mill-FIAU.

Dan wara li l-Avukat Ġenerali ressaq rikors sabiex l-affidavit li għamel Ferris jitneħħa mill-atti tal-kawża għal raġunijiet ta’ sigurta’ nazzjonali.

L-Avukat Ġenerali talab ukoll li s-seduti li jmiss tat-Tribunal Industrijali jinstemgħu fil-magħluq, li jfisser li ma jkunx hemm aċċess għall-pubbliku u l-media ma tkunx tista’ ssegwi l-andament tal-kawża.

Il-ġurnal Times of Malta jirrapporta li Jason Azzopardi qal li dan hu tentattiv ċar biex titpoġġa sarima ma’ ħalq il-klijent tiegħu u biex iċaħħad lill-pubbliku milli jkun jaf x’inhu għaddej.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Ġenerali qed jgħid li l-affidavit ta’ Ferris kien jinkludi riferenza għal ħidmiet interni tal-FIAU li għandhom jibqgħu sigrieti.

Fl-Affidavit tiegħu, Ferris qal li ma tħalliex mill-FIAU jinvestiga l-allegazzjonijiet mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia minħabba kunflitt ta’ interess.

Daphne Caruana Galizia, li nqatlet b’karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru li għadda, allegat li l-kumpanija tal-Panama Egrant kienet f’isem Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru.

Ferris qal li l-FIAU, li ċ-Chairman tagħha hu l-Avukat Ġenerali, ma ħallietux jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet għaliex kellu kunflitt ta’ interess meta kien arresta lill-Whistleblower Russa meta kien għadu spettur fit-taqsima tar-reati ekonomiċi tal-Pulizija.

Jonathan Ferris tkeċċa mill-FIAU waqt iż-żmien tal-prova fis-16 ta’ Ġunju li għadda, ġimgħatejn wara l-elezzjoni ġenerali u ftit jiem biss wara li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna staqsa jekk ċertu rapporti fl-FIAU dwar il-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi, inkitbu biex jiġu leaked.

Sadanittant, wara l-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia, jikbru s-sejħiet tas-Soċjeta’ Ċivili għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali Peter Grech u tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Wara l-protesta kbira li saret il-Ħadd li għadda fil-Belt Valletta, se ssir protesta oħra il-Ħadd li ġej. Din id-darba f’Tas-Sliema.

Grupp ta’ nisa bl-isem Occupy Justice ilu min-nhar il-Ħamis ikkampjat quddiem il-Berġa ta’ Kastilja u qed isejjaħ għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.

Intant, l-Ewroparlamentari David Casa ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tentattiv mill-Avukat Ġenerali biex jagħlaq ħalq eks-impjegat tal-FIAU. F’email lill-Kummissarju Frans Timmermans, David Casa saħaq li l-appoġġ tal-Kummissjoni hu vitali fil-ġlieda ta’ Malta sabiex jerġa’ jkun hawn is-Saltna tad-Dritt.