L-Awtorità ta’ Spanja neħħiet l-awtonomija tal-Katalonja waqt li assumiet kontroll fuq il-Gvern tar-reġjun. Il-miżuri storiċi kienu konfermati filgħodu wara li l-Parlament Katalan ivvota, nhar il-Ġimgħa biex jiddikjara indipendenza, mill-kumplament ta’ Spanja.
L-Istat Spanjol ħareġ bullettin uffiċjali dwar it-tkeċċija tal-Mexxejja Katalani, fosthom il-Kap ewlieni Katalan, Carles Puigdemont, bil-kontroll tar-reġjun separatista issa jgħaddi f’idejn il-Viċi-Prim Ministru ta’ Spanja, Soraya Saenz de Santamaria. Aktar qabel, il-Ministeru tal-Intern Spanjol kien ħa l-kontroll tal-Pulizija f’Katalonja wara li keċċa lill-ogħla uffiċjali tal-Korp Katalan.
Sadanittant, Carles Puigdemont, f’diskors imxandar lill-Katalani, sejjaħ għal oppożizzjoni demokratika fil-konfront tat-tmexxija diretta minn Madrid. Dan waqt li hu ikkundanna s-sospensjoni tal-awtonomija tal-Katalonja minbarra li wiegħed biex ikompli l-ħidma għall-bini ta’ Stat Katalan ħieles.
L-iżviluppi segwew id-dikjarazzjoni, nhar il-Ġimgħa, tal-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy, li ħabbar ix-xoljiment tal-Parlament reġjonali tal-Katalonja u t-tneħħija tal-Mexxej Katalan, Puigdemont. Rajoy sejjaħ ukoll għal elezzjonijiet lokali immedjati f’din is-sitwazzjoni ta’ kriżi.
Sadanittant, fi Spanja komplew id-dimostrazzjonijiet favur u kontra l-indipendenza ta’ Katalonja li kienu bdew matul il-lejl tal-Ġimgħa. Hawnhekk spikka, fost oħrajn, rally kbir ‘għall-għaqda ta’ Spanja u l-Kostituzzjoni’ li kien organizzat fil-kapitali Spanjola, Madrid.
Il-kriżi bdiet meta l-Mexxejja Katalani, fl-Ewwel ta’ Ottubru, organizzaw referendum għall-indipendenza tar-reġjun tagħhom, fejn sfidaw id-digriet tal-Qorti Kostituzzjonali li ddikjara pass bħal dan illegali. Il-Gvern Katalan, wara, qal li 90 fil-mija fost it-43 fil-mija tal-votanti li ħadu sehem fir-referendum kienu favur l-indipendenza tal-Katalonja.
Iżda l-kriżi rrankat tassew nhar il-Ġimgħa meta l-Parlament reġjonali Katalan ivvota biex jiddikjara l-indipendenza minn Spanja u wara li s-Senat ta’ Spanja kkonferma l-poter għall-Gvern ta’ Rajoy biex jimponi tmexxija diretta fuq il-Katalonja.
Il-ġurnata tallum bdiet bil-pubblikazzjoni tal-bullettin uffiċjali dwar it-tkeċċija ta’ Carles Puigdemont u l-membri kollha tal-Gvern Katalan, b’dan iseħħ sigħat wara li l-Gvern ta’ Madrid keċċa lil Josep Lluis Trapero Alvarez mit-tmexxija tal-pulizija awtonoma ‘Mossos’ tal-Katalonja. Dan meta tkeċċa wkoll id-direttur ġenerali tal-Mossos, Pere Soler i Campins.
L-elezzjonijiet reġjonali ġodda, intant, huma programmati għall-21 ta’ Diċembru.
Sadanittant, l-implimentazzjoni tal-bidliet x’aktarx li tinvolvi proċess ikkumplikat għall-awtoritajiet Spanjoli u mistennija tqanqal reżistenza qawwija mill-Katalani li vvutaw għall-indipendenza.
Carles Puigdemont qed iħeġġeġ lis-sostenituri biex ‘iżommu r-ritmu għaddej b’mod paċifiku’, iżda l-Prosekuturi Spanjoli qalu li, il-ġimgħa d-dieħla, għandhom iressqu akkużi fil-konfront tiegħu bħala ‘l-ixprun wara rewwixta’.
Is-separatisti Katalani qegħdin jgħidu, illum, li l-pass importanti lejn l-indipendenza jfisser li huma mgħadhomx jaqgħu aktar taħt il-ġurisdizzjoni Spanjola.
Madankollu, mistenni li l-Qorti Kostituzzjonali ta’ Spanja tiddikjara l-impenn Katalan għall-indipendenza bħala illegali, waqt li l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u Franza kollha esprimew appoġġ għall-għaqda Spanjola.
//= $special ?>


