Lokali

302 jivvutaw fl-elezzjoni kmieni għall-Eżekuttiv tal-PN u l-President tal-Kunsill Ġenerali

302 persuni vvutaw ilbieraħ fil-votazzjoni kmieni fl-elezzjonijiet li qed isiru fi ħdan il-Partit Nazzjonalista biex ikun elett l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-President tal-Kunsill Ġenerali.

Il-votazzjoni kmieni għal dawn iż-żewġ elezzjonijiet saret kemm fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà, kif ukoll fis-sub-headquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat f’Għawdex. Il-postijiet tal-votazzjoni fetħu fit-8 ta’ filgħodu bil-votazzjoni baqgħet għaddejja sa filgħaxija kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Apparti l-votazzjoni kmieni tal-bieraħ, l-elezzjoni propja għall-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista u l-Kunsill Ġenerali hi skedata li ssir nhar is-Sibt 4 ta’ Novembru. Filfatt, matul il-ġimgħa d-dieħla jistgħu jibqgħu jinġabru d-dokumenti tal-vot kemm mid-Dar Ċentrali kif ukoll mis-Sub-Headquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex.

Fl-elezzjoni għall-Eżekuttiv, għandhom ikunu eletti b’kollox 18-il persuna, 9 irġiel u 9 nisa – permezz ta’ żewġ poloz tal-voti separati – waħda bil-lista ta’ kandidati nisa u oħra bil-lista ta’ kandidati rġiel – fejn il-Kunsilliera eleġibbli biex jivvutaw iridu jivvutaw għal massimu ta’ disa’ persuni minn kull lista.

L-elezzjoni għall-membri fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ħolqot entużjażmu kbir fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, tant li għat-18-il membru f’wieħed mill-ogħla organi tal-Partit Nazzjonalista, 59 persuna tefgħu n-nomina tagħhom.

It-18-il persuna eletti mill-Kunsill Ġenerali biex jiffurmaw parti mill-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, aktar tard jingħaqdu ma’ membri oħra tal-Eżekuttiv maħtura mill-fergħat tal-Partit Nazzjonalista.

Sadanittant qed issir elezzjoni wkoll għall-President tal-Kunsill Ġenerali, li qed tkun ikkontestata minn Kristy Debono u Ċensu Galea.