Illum il-mument qed tiżvela kif id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne – li jokkupa wkoll il-kariga ta’ Leader of the House – reġa’ sfida lill-Prim Ministru Joseph Muscat u rebaħlu hekk kif f’inqas minn ġimgħa l-Prim Ministru kellu jċedi u jaċċetta dak li talbet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex il-Parlament jiddiskuti b’mod urġenti t-theddida li għandhom l-istituzzjonijiet demokratiċi fil-pajjiż. Dan fl-isfond tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li seħħ ġimagħtejn ilu.
Issa din id-diskussjoni se ssir għada filgħaxija bis-seduta mistennija tkun mifruxa fuq tliet sigħat. Wara li nhar it-Tnejn li għadda, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ressaq mozzjoni biex il-Parlament jiddiskuti b’mod urġenti s-sitwazzjoni preżenti, il-Gvern dakinhar, irrifjuta din il-proposta. Tant li l-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista Byron Camilleri, dakinhar kien iddikjara li ma kellu xejn x’iżid mal-pożizzjoni espressa mill-Gvern aktar qabel fis-seduta, jiġifieri li kien se jibqa’ jirrifjuta l-mozzjoni mressqa mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Iżda erbat ijiem wara, proprju nhar il-Ġimgħa li għadda filgħodu, meta kien qed jitlaqqa’ l-Kumitat Parlamentari għax-Xogħol tal-Kamra, il-Viċi-Prim Ministru Chris Fearne qal li l-Gvern kien lest jiddiskuti l-proposta tal-Oppożizzjoni biex ikun hemm diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż. Hu qal li hu xieraq li dan is-suġġett ikun diskuss fil-Parlament kif qed ikun diskuss fil-pajjiż. Dan kontra x-xewqa ta’ Kastilja iżda Fearne irnexxilu juża l-influenza tiegħu fil-partit biex iġiegħel lill-Prim Ministru iċedi.
It-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni saret fit-23 ta’ Ottubru li għadda u fiha l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien irrifera għall-qtil ta’ Daphne u qal li l-Gvern u l-Oppożizzjoni kienu qablu li l-Baġit kien irrilevanti tant li l-Parlament kien qed jiddiskuti s-sitwazzjoni.
Adrian Delia kien qal li l-Parlament għandu jiddiskuti t-talbiet tas-soċjetà ċivili biex jirriżenja l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.
Fil-laqgħa ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda, il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni David Agius qal li din hi mozzjoni tal-Oppożizzjoni u għalhekk il-gvern irid ikun speċifiku jekk hux se jsir dibattitu dwar it-talbiet tal-Oppożizzjoni.
Chris Ferane qal li l-idea tal-Gvern hi li tkun diskussa s-sitwazzjoni preżenti u l-gvern lest jiddiskuti s-sitwazzjoni nhar it-Tnejn (għada) stess. Fi tmiem is-seduta mhux mistenni jittieħed vot dwar din id-diskussjoni.
Pressjoni fil-Gvern u fil-Partit fuq Joseph Muscat
Intant, sorsi li tkellmu ma’ il-mument ikkonfermaw li l-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab ukoll taħt pressjoni kbira interna fil-Gvern u fil-Partit Laburista biex b’xi mod jitwarrbu kemm-il Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kif ukoll l-Avukat Ġenerali Peter Grech. S’issa l-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici u l-Ministru tal-Intern Michael Farrugia għadhom qed jibqgħu jiddefendu lil Lawrence Cutajar u lill-avukat Peter Grech.
Madankollu sorsi qrib Kastilja li tkellmu ma’ il-mument qalu li wara l-mossa ta’ Chris Fearne mhux qed ikun eskluż li l-Prim Ministru, aktar milli jwarrab lil Cutajar jew lil Grech, jagħtihom karigi ġodda. Il-mument hija infurmata li Peter Grech jista’ jinħatar l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika minflok Silvio Camilleri li mistenni jtemm il-kariga tiegħu minn hawn u ftit xhur oħra.. Peter Grech qed jiffaċċja pressjoni kbira biex jirriżenja wara snin u xhur ta’ kritika fil-konfront tal-mod kif kien mistenni jaqdi d-doveri tiegħu partikolarment fl-iskandlu tal-‘Panama Papers’.
Aktar pressjoni mis-soċjetà ċivili
Matul il-leġiżlatura li għaddiet, il-vuċi tal-poplu ħarġet issemma leħinha waqt protesti nazzjonali kontra l-istat tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż partikolarment fil-konfront tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u tal-Korp tal-Pulizija. Dan minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni immedjata u konkreta fl-iskandlu tal-‘Panama Papers’ li jimplika liċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri, lill-Ministru Konrad Mizzi waqt li kien ġie allegat li hemm rabta ta’ mart il-Prim Ministru mat-tielet kumpanija sigrieta rreġistrata fil-Panama.
Imbagħad kien feġġ il-każ fejn l-ogħla uffiċjal tal-Bank Pilatus inqabad ħiereġ bil-bagalji mill-bini tal-bank tard filgħaxija fejn kien ġie allegat li kien hemm dokumentazzjoni importanti b’rabta ma’ trasferimenti ta’ flus f’kontijiet sigrieti. Dakinhar, il-Kummissarju tal-Pulizija kien baqa’ passiv, u minflok kien f’Ta’ Xbiex biex tinfetaħ investigazzjoni immedjata, inqabad li kien qed jiekol fenkata fl-Imġarr.
Dawn iċ-ċirkostanzi ġabu l-għadab tan-nies bi protesti kontra l-Gvern Laburista minħabba li kien qed jippermetti sitwazzjonijiet fejn l-istituzzjonijiet ewlenin tal-pajjiż kienu spiċċaw qegħdin jiddgħajfu.
L-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kompla jitfa’ aktar melħ fuq din il-ferita li qed jesperjenza l-pajjiż. Dan kien konfermat fil-protesta li saret mis-soċjetà ċivili l-Ħadd li għadda u bi protesti oħra li komplew din il-ġimgħa, osthom dik ippjanata għal-lum waranofsinhar f’Tas-Sliema. Hawn qbil fil-pajjiż li kieku l-istituzzjonijiet l-aktar importanti bħall-Korp tal-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ffunzjonaw b’mod serju, professjonali u integru matul ix-xhur li għaddew, dan id-delitt kien ikun evitat.
Imma quddiem skandli kbar li ħonqu lill-pajjiż matul ix-xhur li għaddew, la l-Pulizija ma kienet għall-altezza li taġixxi u tiddefendi l-veru interessi taċ-ċittadini Maltin, u wisq inqas l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li ma ħarrekx sebgħu biex iwaqqaf esponenti tal-Gvern involuti f’sensiela ta’ skandli.
Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’nofs dan ix-xahar wassal biex l-għajta għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali reġgħet ħadet spinta kbira ‘l quddiem, bil-poplu Malti u Għawdxi qed ifittex mhux biss li ssir ġustizzja ma’ min wettaq id-delitt bil-qtil ta’ bomba f’karozza, iżda wkoll li dawk li naqsu mill-jaġixxu jwarrbu wkoll.
//= $special ?>