Internazzjonali

Dimostrazzjoni kbira f’Barċellona favur l-għaqda bejn l-Ispanjoli

 

Mijiet ta’ eluf ta’ nies f’Barċellona  ħadu sehem f’rally favur l-għaqda fost l-Ispanjoli. Dan wara li r-reġjun tal-Katalonja tneħħietlu l-awtonomija b’riżultat dirett tad-dikjarazzjoni għall-indipendenza ta’ jiem ilu mit-Tmexxija Katalana separatista.

Kien hemm rapporti konfliġġenti dwar il-folol li ħarġu favur l-unjoni ta’ Spanja, bil-Guardia Urbana ( il-pulizija muniċipali) tal-Katalonja tgħid li kien hemm madwar 300,000 dimostrant f’Barċellona, bil-Gvern f’Madrid itenni li l-konkorrenza tan-nies jipprotestaw, fil-fatt, kienet ‘qabżet il-miljun’.

Ħafna min-nies li ħarġu jipprotestaw kontra l-indipendenza Katalana fl-akbar belt tar-reġjun sejħu biex jintbagħat il-ħabs Carles Puigdemont, li fi tmiem il-ġimgħa tkeċċa minn Mexxej tal-Katalonja fuq id-direttiva speċifika tal-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy.

It-tkeċċija ta’ Carles Puigdemont kienet ikkonfermata waqt li l-Gvern ċentrali Spanjol ħa l-kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Katalonja u, issa, il-Ministru għall-Immigrazzjoni  Belġjan, Theo Francken, qal li Puigdemont jista’ jingħata l-kenn politiku fil-Belġju ‘li jkun diffiċli għal Spanja biex tostakolah’.

Intant, ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li Puigdemont kien qed jaħseb biex jitlaq mill-Katalonja.

Spanja ilha tissielet ma’ kriżi politka mindu, aktar kmieni fix-xahar, sar referendum għall-indipendenza tal-Katalonja organizzat mill-Gvern separatista ta’ Puigdemont. Ir-referendum sar bi sfida għall-Qorti Kostituzzjonali Spanjola li ddikjarat l-eżerċizzju bħala wieħed illegali. Il-Gvern Katalan, imbagħad, qal li 90 fil-mija fost it-43 fil-mija li vvutaw fir-referendum  kienu favur l-indipendenza tar-reġjun.

Il-politiku Katalan veteran, Josep Borrell ( eks President tal-Parlament Ewropew) illum qal lid-dimostranti, f’Barċellona, li l-ekskapijiet separatisti tal-Katalonja ma kellhomx id-dritt li jitkellmu f’isem ir-reġjun kollu.

Fil-fatt, ħafna mid-dimostranti f’Barċellona esprimew rabja ‘għal dak li s-separatisti qegħdin jagħmlu lill-pajjiż’. Id-dimostranti, intant, imxew bħala gruppi kbar tul iz-zoni ċentrali ta’ Barċellona fost tixjir ta’ bnadar u għajjat ta’ ‘Viva Espana’ u li ‘It-toroq huma ta’ kulħadd’.

F’Diċembru għandhom isiru elezzjonijiet ġodda fir-reġjun problematiku tal-Katalonja