Kultura Lokali

FILMAT: “Ir-riħa tal-injam maħruq u l-ħobż imsajjar hi l-fwieħa għalina l-Qriema” – waqt Fejn Għexna tal-lejla

Ħal Qormi, it-tielet lokalità li se nsiru nafu dwarha u dwar niesha waqt il-programm Fejn Għexna... nhar il-Ħadd 29 ta' Ottubru fis-6.05pm fuq NET Television.

Kemm-il darba jkollok aptit biċċa ħobż tal-Malti u tiftakar fil-fran ta’ Ħal Qormi? Il-fran li matul is-sigħat bikrin ta’ filgħodu jfewħu lir-raħal ta’ Ħal Qormi bil-fwieħa tal-injam maħruq imżewqa mar-riħa tal-ħobż Malti.

L-istess riħa li timla l-qlub ta’ ħafna Qriema, b’mod speċjali tal-furnara nfushom, bħalma timla l-qalb ta’ Nenu Debono li ġej minn familja ta’ furnara u ilu jaħdem f’dan il-qasam għal għexieren ta’ snin. Se niltaqgħu ma’ Nenu u ma’ furnara oħra waqt il-programm ‘Fejn Għexna’ tal-lejla. Waqt il-programm tal-lejla se niltaqgħu ma’ diversi karattri oħra minn Ħal Qormi li lkoll se jirrakuntawlna stejjer ta’ tfulithom u ta’ kif kienu jmorru bit-turtiera ta’ ommhom għand il-furnar biex jissajjar l-ikel, peress li qabel ma kellhomx id-dawl u l-gass li għandna llum. Apparti minn hekk, se niltaqgħu wkoll ma’ furnara li ta’ kull nhar ta’ Ħadd għadu jagħmel ix-xiwa u n-nies tiġi saħansitra miż-Żejtun u mill-Imġarr biex issajjar l-ikel tagħha għandu. U kif qed nitkellmu fuq Ħal Qormi, wieħed ma jistax ma jitkellimx dwar il-festi ta’ San Bastjan u ta’ San Ġorġ li fil-ġimgħa tagħhom tqum xi ftit tal-pika, speċjalment waqt il-marċi ta’ filgħodu. Apparti minn hekk, se nsiru nafu wkoll għala lill-Qriema jsejħulhom “irġiel sa nofsinhar”, laqam li jmur lura għal għexieren ta’ snin u li għadu japplika sal-lum. Dan u iktar waqt il-programm ‘Fejn Għexna’ tal-lejla. Il-programm jibda fis-6.05pm, wara l-aħbarijiet tas-6pm fuq Net Television.