L-istituzzjonijiet li suppost qed jipproteġuna, minflok ħadmu biex jissiktu l-kritiċi u naqsu milli jiddefenduna. Kien dan il-messaġġ komuni ta’ ħafna mill-kelliema waqt it-tieni dimostrazzjoni nazzjonali fi żmien ġimgħa.
Waqt mixja f’Tas-Sliema, is-soċjetà ċivili appellat mill-ġdid għall-ġustizzja fid-dawl tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dimostrazzjoni li mill-ġdid wasslett messaġġ ta’ sfiduċja mill-poplu fl-istituzzjonijiet, inkluż il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali fost l-oħrajn.
Antonio Tufigno, f’isem Jacques Rene Zammit li jinsab imsiefer, iddeskriva lil Daphne Caruana bħala ġurnalista qalbiena f’att premeditat li heżżeż lis-soċjetà. Qal li min imexxi hu suġġett għal-liġijiet daqs kull wieħed u waħda minnha. Kull ċittadin irid jgħix f’soċjetà fejn iħossu liberu, fejn ma jkollux minn xiex jibża’.
Claudia Taylor East, President ta’ SOS Malta, appellat lill-politiċi biex iservu lill-pajjiż u lin-nies qabel kollox, kif inhu d-dover tagħhom.
Talbet għal standards tal-ogħla livell, minflokk l-istandards neżlin li qed jgħaddi minnu l-poplu. Fakkret li l-istituzzjonijiet suppost jinsabu hemm biex jipproteġuna, iżda minflok irreferiet għall-kummenti sessisti ta’ Tony Zarb, li ġie kkundannat imma se jibqa’ jgawdi mill-impunità.
Il-ġurnalist Jurgen Balzan qal li l-poplu jinsab irrabjat li l-istat naqas milli jipproteġi lill-poplu, li l-istat hu dgħajjef mal-kriminali.
Kompla li f’Malta hawn liġi għall-Allat u liġi għall-annimali, fejn il-Pulizija jiddefendu biss lil min għandu l-poter, b’surplus ta’ omertà, partiġġjaniżmu u impunità.
Andrew Borg Cardona qal li min biegħ lill-pajjiż hu dak li qed iħammeġ lill-pajjiż u mhux min qed jitlob għal ġustizzja.
Semma’ lista ta’ ministri u esponenti tal-Gvern li minflok ikkundannaw il-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia, infexxew f’attakki fil-konfront tas-soċjetà ċivili.
Josef Vella, Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers qal li f’mument bħal dan, il-poplu ma jistax idawwar wiċċu qisu qatt ma ġara xejn. U lill-Gvern, m’għandux ikun wieħed biss li jisma’, imma li jaġixxi u jieħu azzjoni.
Wissa’ li dan mhux qtil bħal kwalunkwe ieħor. Kien attakk mhux biss fuq ġurnalista minħabba l-pinna tagħha, imma fuq kull wieħed u waħda minnha.
Id-dimostrazzjoni nazzjonali għalqet bl-innu Malti f’messaġġ ta’ għaqda bejn dawk kollha preżenti.
//= $special ?>