Lokali

Il-bomba ġiet attivata b’ċavetta li taħdem b’sensor

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta mad-delitt tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia issa daħlu f’fażi ferm kruċjali u intensivi hekk kif għaddew aktar minn 12-il jum mill-assassinju.

Diversi kienu l-iżviluppi li seħħew matul il-jiem li għaddew, fosthom li hemm probabbiltà kbira li l-bomba kienet attivita permezz ta’ ċavetta ta’ karozza li taħdem bis- sensor.

Fil-bidu tal-investigazzjonijiet kien hemm suspett qawwi li l-bomba kienet attivata b’mowbajl ċellulari. Kien hemm suspett qawwi li l-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia kienu qed jistennew lill-vittma toħroġ minn darha, tirkeb il-karozza u tistartjaha biex imbagħad attivaw il-bomba permezz ta’ ċellulari.

Skont l-aħħar żviluppi tal-investigazzjonijiet, huwa indikat bl-aktar mod ċar li l-aggressuri ma wżaw l-ebda ċellulari biex attivaw il-bomba, iżda għamlu użu minn sensor door lock li permezz tiegħu xegħlet il-bomba.

Skont is-sorsi ta’ il-mument tali mod kif tkun attivita bomba seta’ kien qiegħed jintuża għall-ewwel darba f’Malta, għalkemm ma hix eskluża li fil-passat reċenti seta’ kien hemm xi sistema bħalha. L-istess sorsi żiedu li iżda kemm-il darba ntużat sistema ta’ sensor door lock biex titħaddem bomba, żgur li saru provi fid-diżabitat ta’ innovazzjoni bħal din. L-istess sorsi komplew li żgur li fl-aħħar ġimgħat biex sistema bħal din iddaħħlet fis-seħħ, x’imkien sar replika bħala test naturalment fuq dimensjoni ferm u ferm inqas.

Fil-jiem li għaddew kien żvelat kif anki l-bomba ma kenitx maħduma bi splussiv Semtex jew C4 kif kien susspettat fil-bidu minħabba l-qawwa tal-isplużjoni, iżda nħadmet b’materjal TNT.

Illum nistgħu nkomplu niżvelaw li minħabba l-użu tat-TNT – u t-TNT hu relattivament tqil meta mqabbel mas-Semtex – allura l-kontenitur li fih tpoġġiet jew inħadmet il-bomba kien wieħed relattivament imdaqqas. Jirriżulta wkoll li dan il-kontenitur bl-ebda mod ma seta’ jitwaħħal mal-qiegħ tal-karozza permezz ta’ kalamità għaliex faċilment seta’ jaqa’ mal-ewwel ċaqlieq tal-vettura.

Jidher li din ma kenitx ta’ problema għaliex l-aggressuri sabu l-mezz kif jiftħu l-bieba tal-karozza mingħajr ma jagħmlu l-iċken ħsarat fl-istess bieba. Darba l-bieba kienet miftuħa – u probabbilment li anki dan l-eżerċizzju kien diġà sar fil-jiem ta’ qabel bħala prova – allura l-bomba tpoġġiet taħt is-seat f’ħin relattivament qasir ta’ ftit sekondi.

Hawnhekk iżda jidħol xenarju ieħor importanti. Dak li min attiva l-bomba b’din is-sistema aktar minn qatt qabel li ħtieġlu jkun f’distanza ta’ ftit għexieren ta’ metri biss lil hinn mill-Peugeot 108 li kienet qed issuq Daphne Caruana Galizia.

Jekk b’mowbajl persuna tista’ tattiva bomba minn kilometri ‘l bogħod u d-distanza ma għandha l-ebda effett, f’dan ir-rigward l-attivazzjoni permezz ta’ sistema sensor door lock hi waħda aktar limitata u ma hix eskluża l-possibbiltà li f’mument minnhom qabel l-isplużjoni ż-żewġ karozzi involuti – dik tal-vittma u dik tal-aggressuri – kienu biss ftit lil hinn minn xulxin.

Darba l-bomba kienet attivita u splodiet fi tliet fażijiet differenti – u anki f’dan ir-rigward l-ispjega issa hi aktar ċara – l-aggressuri setgħu jaħarbu mill-post. Diġà ngħad li mill-post tad-delitt kien hemm karozza suspettuża li telqet appena ħadet il-bomba.

Sadattant jekk fil-post tad-delitt kien hemm tistenna u wieqfa tali karozza suspettuża u din għamlet ċertu ħin, faċilment il-Pulizija tista’ tasal biex tidentifika tali karozza minn diversi sistemi disponibbli li tista’ tagħmel użu minnhom. Ilbieraħ In-Nazzjon żvela li r-‘Rotta 103′ tista’ tkun mezz mill-aktar kruċjali biex jintefa’ aktar dawl fuq dak li ġara nhar it-twettieq tad-delitt.

Sadattant il-Pulizija Maltija assistita minn Uffiċjali Tekniċi mill-FBI u minn oħrajn Forensiċi miġjuba mill-Olanda, issa għandha wkoll l-għajnuna ta’ assistenza mill-Europol. Flimkien l-Uffiċjali Investigattivi kollha qed jagħmlu impenn qawwi biex jippruvaw isolvu dan id-delitt ippjanat u programmat fuq firxa ta’ numru ta’ ġimgħat.
Kif żvelat minn il-mument nhar il-Ħadd li għadda, Marzu tal-2017 jibqa’ xahar mill-aktar kruċjali fl-investigazzjonijiet li qed isiru minħabba artikli li kitbet Daphne Caruana Galizia.