Sport Sport Ieħor

Il-boxer Anthony Joshua jiddefendi t-titli mondjali b’rebħa fuq Carlos Takam

Iċ-champion tad-dinja tal-heavyweight tal-IBF d-WBA Anthony Joshua jiċċelebra wara li għeleb lil Carlos Takam (Ritratt: EPA)

Anthony Joshua ddefenda b’suċċess it-titli heavyweight WBA u IBF b’rebħa fl-10 rawnd fuq Carlos Takam fi ġlieda brutali f’Cardiff. Il-boxer tat-28 sena deher li sofra minn ksur f’imnieħru wara li ħabtu ras ma’ ras fit-tieni rawnd, iżda gradwalment kiser ir-reżistenza ta’ Takam biex kiseb l-20 rebħa konsekuttiva b’knock-out.

Il-preparazzjonijiet ta’ Joshua kellhom jinbidlu l-ġimgħa l-oħra, b’Takam jieħu post l-imweġġa’ Kubrat Pulev, bil-boxer Franċiż ibbażat fil-Kamerun jagħti battikata lill-Britanniku.

Joshua beda b’saħħtu mill-ewwel rawnd biex jipprova jara fejn iwassal l-avversarju, iżda fit-tieni rawnd l-affarijiet ħadu xejra differenti hekk kif it-tnejn spiċċaw ras ma’ ras, b’Joshua jidher iweġġa’ imnieħru fil-proċess.

Dan il-fatt deher li seta’ ta vantaġġ lil Takam b’daqqa tajba bix-xellug fit-tielet rawnd, iżda Joshua għamel aktar ħsara fir-raba’ rawnd b’daqqa tajba bil-lemin li fetħet ftit fuq għajn il-leminija tal-avversarju.

Joshua kompla jagħti d-daqqiet, bir-referee Phil Edwards ikellem lil Takam li iżda għażel li jkompli. Iż-żewġ boxers komplew jibdlu d-daqqiet, b’Takam jibqa’ fuq siequ b’xi mod. Minkejja li kien evidenti d-demm fuq wiċċ fuq Takam, hu xorta baqa’ jipprova u ta’ żewġ daqqiet bil-lemin fis-seba’ rawnd.

L-Ingliż kompla bl-aggressività tiegħu, iżda l-boxer ta’ 36 sena baqa’ jissielet. Iżda l-konfront missielet u brutali ntemm fl-10 rawnd b’Joshua jagħti uppercut u straight lil Takam, bir-referee Edwards jintervjeni u jtemm il-logħba, biex b’hekk Joshua baqa’ mhux megħlub.

Tags