Lokali

Il-PN irid ikun it-tmexxija morali tal-poplu Malti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni

Fid-dawl ta’ dak li ġara f’pajjiżna matul l-jiem li għaddew f’intervista ma il-mument, id-deputat nazzjonalista u kandidat għall-elezzjoni ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-affarijiet tal-parlament Edwin Vassallo tenna li l-akbar sfida għal Partit Nazzjonalista, hija li immedjatament ikun it-tmexxija morali tal-poplu Malti fil-ġlieda kontra l-mafja, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

Jien irrid nagħmel din id-differenza fil-Partit. Jien nemmen fil-valuri u rrid inkun il-politiku tal-Prinċipju u mhux il-politiku Populista.

Sostna ukoll dan fuq l-paġna tiegħu ta’ facebok fejn qal li jippreferi jitlef elezzjoni għall-valuri tas-sewwa li jemmen fihom, milli jirbaħ elezzjoni għaliex ma jemmen f’xejn. Huma l-valuri li jagħtuna l-awtorità morali.

Edwin Vassallo qal li hu ma jħarisx lejn ir-responsabilta’ ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament li tagħlqu fil-binja tal-Parlament. Huwa jemmen li f’din ir-responsabilta jara id-dmir li fil-Partit jiftaħ aktar id-diskussjoni politika u jrid li jiżviluppa sens aktar qawwi ta’ djalogu politiku mill-aktar miftuħ.

Għal Edwin Vassallo l-politika ma tibdiex u tispiċċa fil-Parlament, iżda tibda f’kull fejn hemm in-nies. Edwin Vassallo sostna li hu jimpurtah li joħloq bidla u mhux nibqgħu nagħmlu l-affarijiet kif għamilnihom s’issa. Hu qal li għandhu fiduċja f’kull wieħed u waħda minn sħabu d-Deputati kollha.

Edwin Vassallo jrid jara li fil-Partit jkun hemm l-aħjar u l-isbaħ spirtu ta’ għaqda u jitwessa’ kemm jista’ jkun is-sens ta’ djalogu politiku mal-livelli kollha tal-Partit.

L-impenn ta’ Edwin Vassallo huwa li jgħin lil kull Deputat joffri l-massimu tal-abbiltà tiegħu, filwaqt li jinholoq impenn kollettiv fejn flimkien jgħinu lil xulxin itejjbu l-abbiltà kollettiva.