Internazzjonali

Irwiefen qattiela jassedjaw lill-Ewropa ċentrali

Sensiela ta’ irwiefen mill-aktar qawwija – b’uħud ilaħħqu mal-180 kilometru fis-sigħa fir-Repubblika Ċeka – assedjaw ir-reġjuni ċentrali tal-Ewropa, bl-impatt jinħass ukoll bil-kbir f’pajjiżi bħall-Ġermanja u l-Polonja.

Rapporti mir-Repubblika Ċeka qalu li żewġ persuni mietu mgħaffġin taħt siġar li nqalgħu mill-għeruq, bil-maltemp iħarbat il-provvista tad-dawl għal mijiet ta’ eluf ta’ familji.

Sorsi oħra f’dan il-pajjiż irreferew għall-effetti tal-maltemp li waqqfu t-traffiku tal-ferroviji għat-tul taż-żmien f’diversi setturi – l-istess bħal fil-każ tal-vetturi fit-toroq. Sitwazzjoni partikulari kienet ikkaġunata minn siġra maqlugħa li imblukkat l-aċċess fi triq prinċipali ftit ‘il barra minn Praga.

Intant, iz-Zoo ta’ Praga kellu jagħlaq għall-jum minħabba l-irwiefen, iżda r-rapporti mill-kapitali Ċeka qalu li l-ajruport ewlieni kien qed jiffunzjona mingħajr problemi.

Fil-Ġermanja, l-operatur tas-sistema tal-ferrovija Deutsche Bahn, għalaq ħafna rotot lejn it-Tramuntana u ċ-ċentru tal-pajjiż, bl-aċċess b’dan il-mezz tat-trasport jinqata’ għal bliet ewlenin bħal Bremen, Hamburg, Berlin, Dresden u Leipzig.

L-irwiefen laqtu wkoll lill-Polonja, fost il-ħsarat irrappurtati fil-pipeline ta’ terminal tal-gass naturali fil-port ta’ Swinoujscie. L-effetti, skont l-osservaturi, ikkaġunaw leak żgħir iżda mhux xi sfreġju serju fil-pipeline.