Wara li l-ġimgħa li għaddiet il-Gvern naqas li jgħaraf l-urġenza u l-importanza li tiġi diskussa mozzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jiġu diskussi l-proposti tas-soċjetà ċivili għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, il-Gvern għaraf li mhux qed ngħixu f’pajjiż normali u d-diskussjoni urġenti dwar dan se tkun qed issir għada fil-Parlament. Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista li saret fuq Radio 101.
Il-Kap Nazzjonalista spjega li wara li l-Gvern ilu snin jherri l-istituzzjonijiet u s-saltna tad-dritt, issa se jiġu diskussi l-aktar materji ta’ importanza nazzjonali li huma l-pedamenti tad-demokrazija. Adrian Delia qal li din hija turija ċara li l-budget huwa irrelevanti u li l-pajjiż ma jistax jibqa’ miexi business as usual. Adrian Delia qal li matul d-diskussjoni Parlamentari ta’ għada se jkun qed jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali jitneħħew mil-karigi tagħhom u minflok jinħatru persuni bl-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Parlament. Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni mhux se tieqaf hawn u dan għax jeħtieġ riforma sħiħa fl-istituzzjonijiet u allura se tkun qed tressaq proposti f’dan is-sens.
Qal li f’dan il-pajjiż huwa importanti li tkun is-soċjetà ċivili li ssemma leħinha u tagħmel il-protesti u dan għax wara dak li ġara ġimgħatejn ilu, il-pajjiż ma għadux f’sens ta’ xokk iżda issa din daret f’rabja. Qal li kemm hu fis-sajf li għadda kif wkoll l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fl-aħħar 4 snin u nofs qalu li dan mhux pajjiż normali u dan għax il-Gvern beda jindaħal fl-istituzzjonijiet bħall-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija u jieħu d-deċiżjonijiet l-Gvern għal dawn l-istituzzjonijiet suppost indipendenti. Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Pppożizzjoni ma għandha xejn kontra l-persuna tal-Avukat Ġenerali jew il-Kummissarju iżda jeħtieġ li dawn jieqfu jaqdu biss lil Gvern iżda jibdew jaqdu lil poplu Malti.
Adrian Delia iddeskriva bħala kummenti moqżieża u sessisti dawk li għadda l-ex Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Tony Zarb fil-konfront ta’ nies li qed jipprotestaw billi jikkampjaw quddiem Kastilja. Qal li min ma jaqbilx ma’ protesti bħal dawn huwa fil-libertà li ma jmurx jiprotesta iżda t-tkasbir mhux ġustifikat. Il-Kap Nazzjonalista ikkundanna bla riżervi il-kummenti ta’ Tony Zarb li fakkar qed jitħallas mil-fondi pubbliċi bħala konsulent tal-Gvern.
B’referenza għal-fatt li fil-kawża quddiem it-Tribunal Industrijali dwar eks uffiċjal tal-FIAU, l-Avukat Ġenerali jrid li jinħbew ċertu rapporti, għax skont hu huma ta’ importanza nazzjonali, il-Kap Nazzjonalista qal li dan huwa eżempju car ieħor dwar għalfejn jeħtieġ bidla fl-istituzzjonijiet. Qal li f’dan il-każ l-Avukat Ġenerali qiegħed bħala avukat taż-żewġ naħat għaliex minbarra li huwa avukat tal-Gvern huwa wkoll fil-bord tad-diretturi tal-FIAU. Il-Kap Nazzjonalista sostna li jekk dan ir-rapport tal-FIAU li l-Avukat Ġenerali jrid jaħbi huwa ta’ importanza nazzjonali, aktar tinħass il-ħtieġa li dan jkun pubbliku u mhux mistoħbi.
Il-Kap Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-edukazzjoni u qal li waqt li l-pajjiż qed jiġġieled biex jirrestawra il-pedamenti, il-Gvern qed jimmina pedament ieħor – dak tal-edukazzjoni. Sostna li filwaqt li l-Gvern jiftaħar li qed jippjana għal-futur, ma hemmx biżżejjed riżorsi umani biex it-tfal tagħna jkollhom l-edukazzjoni meħtieġa. Qal li ma hemmx biżżejjed għalliema biex jgħallmu lil uliedna hekk kif fi ftit snin minn 300 għalliem ġdid fis-sena issa hemm biss 50. Qal li jeħtieġ li din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata mingħajr dewmien.
Il-Kap Nazzjonalista qal li filwaqt li l-pajjiż qed jiffoka fuq l-aktar haġa bażika id-demokrazija, il-Gvern qed jaħmi ħafna affarijiet minn taħt fosthom, fit-trasport, l-armata u anke’ l-Airmalta. Qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jieħu pożizzjonijiet riġidi dwar dawn il-punti fost l-oħrajn għax tinħass il-ħtieġa li dawn l-affarijiet jiġu solvuti għall-ġid ta’ pajjiżna.
//= $special ?>

