Lokali

Jinżamm arrestat l-Albaniż akkużat bis-serqa f’ħanut tal-ġojjellerija f’Tas-Sliema

Dalgħodu tressaq il-Qorti Daniel Muka ta’ 22 sena, Albaniż, wieħed mis-suspettati ħallelin involuti fis-serqa tal-5 ta’ Ottubru f’Ħanut tal-ġojjellerija. Muka diġa tressaq aktar kmieni dan ix-xahar meta kien akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ uffiċjal tal-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit.

Huwa kien akkużat ukoll li fuqu kellu arma tan-nar u li pprova joqtol lis-salesman Andre Scicluna Calleja. Kien akkużat ukoll li żamm kontra r-rieda tagħhom żewġ ħaddiema kif ukoll li weġġa’ ħafif ħaddiem u uffiċjal tas-sigurtà.

Għal dawn l-akkużi l-Albaniż wieġeb mhux ħati u l-qorti ordnat li jinżamm arrestat.

Miegħu qed ikunu investigati aktar persuni li direttament kellhom x’jaqsmu ma’ dik is-serqa li qed jingħad li tammonta għal aktar min-nofs miljun ewro fi djamanti, deheb u ġojjelli oħrajn. Hu mifhum li matul il-ġimgħa d-dieħla mistenni li jitressaq quddiem il-Qorti suspettat ieħor.

Fil-qorti l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Carlos Cordina, Mark Mercieca u James Grech.