Espert tal-Qorti b’rekord kriminali ġie appuntat biex jinvestiga l-komunikazzjoni u d-data li kienet fil-pussess tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li ġiet brutalment maqtula – dan minkejja li f’każ preċedenti kienet ittieħdet deċiżjoni definittiva li dan il-persuna m’għandux jiġi appuntat aktar mill-Qorti bħala espert.
Martin Bajada, li kien instab ħati ta’ serq u falsifikazzjoni ta’ dokumenti fir-Renju Unit, ġie appuntat espert tal-Qorti mill-Maġistrat Anthony Vella.
Is-sena l-oħra, l-Qrati tal-Appell aċċettaw talbiet minn żewġ persuni li kkontestaw ir-rapporti li għamel Martin Bajada bħala espert tal-Qorti. Filfatt kien il-Prim Imħallef Silvio Camilleri, flimkien mal-Imħallef Giannino Caruana Demajo u l-Imħallef Noel Cuschieri li f’isem il-Qorti tal-Appell ħadu d-deċiżjoni li fl-interess ġenerali tal-ammistrazzjoni tal-ġustizzja, ir-rapport li ħejja Martin Bajada għandu jitneħħa mir-rekords tal-każ u ma ssir l-ebda referenza għalih.
Fid-deċiżjoni tagħha, l-Qorti tal-Appell qalet: “Il-Ġustizzja mhux biss għandha ssir, iżda trid tidher li qed isir”. Il-gazzetta the Sunday Times of Malta għamlet kuntatt mal-Prim Imħallef fejn dan tal-aħħar stqarr li l-membri tal-ġudikatura għandhom l-għażla li jappuntaw espert tal-Qorti huma – iżda madanakollu deċiżjoni importanti bħal dik mill-Qorti tal-Appell għandha sservi bħala gwida suffiċjenti dwar dan is-suġġett. Flimkien mal-Prim Imħallef ingħaqdu wkoll d-Dekan tal-Fakulta’ tal-Liġi Kevin Aquilina u l-Imħallef Giovanni Bonnello – fejn qalu li l-Qorti m’għandix tappunta aktar lil Martin Bajada bħala espert u jirrispettaw id-deċiżjoni tal-Qorti.Madanakollu, skont l-istess Sunday Times of Malta, numru ta’ Maġistrati marru kontra dik id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell, u xorta waħda appuntaw lil Martin Bajada bħala espert tal-Qorti.
Skont s-sentenza tal-Qorti tar-Renju Unit, jidher li Martin Bajada fl-1993 kien ammetta għal akkużi miġjuba kontrih ta’ serq, u ingħata sentenza sospiża għal sentejn. Id-dokumenti li tressqu bħala evidenza quddiem il-Qorti fir-Renju Unit jixhdu li hu kien seraq somma qrib is-sittin elf ewro.
//= $special ?>