Lokali

“L-istituzzjonijiet ma jistgħux jinżammu ostaġġi mill-Gvern” – #OccupyJustice

“L-istituzzjonijiet ma jistgħux jinżammu ostaġġi mill-ebda Gvern. L-istituzzjonijiet għandhom ikunu u jidhru li huma indipendenzi u li qed iħarsu s-saltna tad-dritt.”

Iddikjaraw dawn grupp ta’ nisa li huma d-dimostranti ta’ #OccupyJustice, li ilhom sa mill-Erbgħa jikkampjaw quddiem Kastilja bl-għan li jitolbu ġustizzja wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fost l-oħrajn kienu qed jitolbu laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat, li madankollu injorahom għalkollox sakemm il-Ħadd filgħodu dan il-fatt ġie rrappurtat fil-gazzetti. B’reazzjoni għall-artiklu fuq il-ġurnali, Joseph Muscat ma bagħatx għal dawn in-nisa iżda uża attività politika biex jirrikonoxxihom ftit sigħat biss qabel il-protesta tiġi fi tmiemha.

Madankollu xorta waħda ħabbru li huma lesti jiltaqgħu mal-Prim Ministru għaliex jemmnu fl-importanza tad-djalogu miftuħ bħala parti importanti mid-demokrazija. “Se nibqgħu determinati li niġġieldu għal dak li hu sew, għall-ġustizzja u għal soċjetà ġusta u ugwali.”

Sadattant l-affarijiet tal-ikel żejda li ngħataw lil dawn id-dimostranti għaddew lil Dar Merħba Bik, il-bank tal-ikel immexxi mill-Knisja tal-Iskoċċiżi ddedikata lil Sant’Andrija kif ukoll lis-sorijiet Ursolini.