Internazzjonali

L-Iżlanda: Telfiet għall-koalizzjoni iżda l-Partit tal-Indipendenza se jibqa’ l-akbar

Il-koalizzjoni li amministrat lill-Iżlanda sa tmiem il-ġimgħa qed tidher li sofriet telf kbir fl-elezzjonijiet parlamentari, u meta l-partiti taċ-ċentru xellug irnexxielhom jirbħu ħafna siġġijiet fl-Assemblea ta’ Reykjavik.

Intant – meta  laħqu għaddew ‘il fuq minn 80 fil-mija tal-vot — l-indikazzjonijiet huma li l-Partit tal-Indipendenza taċ-ċentru-lemin, immexxi mill-Prim Ministru Bjarni Benediktsson, għandu jispiċċa l-akbar partit anki jekk seta tilef kważi kwart mis-siġġijiet li kellu fil-Parlament.

It-taħditiet futuri għal koalizzjoni f’Reykjavik mistennija jkunu kkumplikati meta hemm rekord ta’ tmien partiti lesti biex jieħdu posthom fil-Parlament.

Din kienet it-tieni elezzjoni bikrija li ssejħet f’sena f’dan il-pajjiż u l-eżerċizzju kien jirrifletti l-isfiduċja kbira tal-elettorat anki jekk l-ekonomija tal-Iżlanda għaddejja minn żmenijiet tajbin.

Skont l-aħħar rapporti, żewġ partiti ġodda, fosthom il-Partit taċ-Ċentru tal-eks Prim Ministru Sigmundur Gunnlaugsson – li kellu jirriżenja s-sena l-oħra wara skandlu dwar kumpannija offshore żvelat fil-famużi Panama Papers – rebħu s-siġġijiet fil-Parlament.