Lokali

Minkejja t-tgħajjir tal-Gvern, l-Oppożizzjoni se tibqa’ tkun il-vuċi tas-soċjetà ċivili

Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista bi tweġiba għad-diskors tal-Prim Ministru

Fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista, saret referenza għad-diskors tal-Prim Ministru dalgħodu, fejn għażel li jinfexx jgħajjar lill-Oppożizzjoni għaliex ftit tal-ħin qabel, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien ħabbar li fid-dibattitu Parlamentari ta’ għada filgħaxija, se jkun qed iressaq proposti biex f’Malta terġa’ tibda tirrenja s-saltna tad-dritt u biex jissaħħu l-istituzzjonijiet. Il-Partit Nazzjonalista saħaq li hu ċar li l-Prim Ministru xejn ma ħa gost li l-Kap tal-Oppożizzjoni se jkun qed iressaq dawn il-proposti, u b’hekk infexx f’tgħajjir.

Minkejja dan it-tgħajjir, l-Oppożizzjoni qalet li se tibqa’ tkun il-vuċi tas-soċjetà ċivili u twassal dak li qed tgħid fil-Parlament. Dan b’kuntrast mal-Prim Ministru u l-Gvern Laburista li l-ewwel jgħajru lil min qed jiprotesta, imbagħad jgħajru lill-Oppożizzjoni li qed tkun il-vuċi ta’ min hu rrabjat.

Il-Partit Nazzjonalista tenna li Muscat mingħalih li minkejja l-qtil politiku tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kollox business as usual. Sejjer żball. Il-poplu Malti u Għawdxi issa m’għadux ixxukkjat imma rrabjat, u l-Oppożizzjoni se tibqa’ tkun il-vuċi quddiem dan kollu, itemm tgħid din l-istqarrija.